Lokali Parlament

Mozzjoni biex jiġi rivedut ir-ruling mogħti mill-Ispeaker Anġlu Farrugia

Aktar kmieni llum id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina preżentajt mozzjoni lill-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia sabiex jiġi rivedut ir-ruling mogħti minnu u li permezz tiegħu Aquilina ċċaħħad mid-dritt li jagħmel żewġ mistoqsijiet lill-Prim Ministru dwar l-inkjesta Egrant.

Iż-żewġ mistoqsijiet li saru lill-Prim Ministru jaqraw hekk:

1. Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa u mhux ċensurata tal-proċess verbal tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant Inc. li tħejja mill-Maġistrat Inkwirenti Aaron M. Bugeja u li kopja tiegħu ngħatat lill-Prim Ministru mill-Avukat Ġenerali?

2. Jista’ l-Prim Ministru jgħid l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni kollha li għandhom aċċess għall-proċess verbal tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant Inc. li tħejja mill-Maġistrat Inkwirenti Aaron M. Bugeja u li kopja tiegħu ngħatat lill-Prim Ministru mill-Avukat Ġenerali?

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fi stqarrija qal illi ma jeżisti l-ebda dubju li l-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant taqa’ fid-definizzjoni ta’ ħwejjeġ pubbliċi u li din l-inkjesta ġiet mitluba mill-Prim Ministru nnifsu u li kopja tal-proċess verbal sħiħ ingħatat lill-istess Prim Ministru mill-Avukat Ġenerali minħabba li l-pożizzjoni kostituzzjonali tiegħu ta’ Prim Ministru, li fi kliem l-Avukat Ġenerali stess hija “l-ogħla kariga eżekuttiva tal-pajjiż”.

Għalhekk ma jagħmel l-ebda sens li Deputat jitwaqqaf mill-Ispeaker milli jagħmel mistoqsijiet lill-Prim Ministru dwar l-inkjesta Egrant billi jingħad li l-involviment tal-Prim Ministru kien wieħed personali u bi dritt bħala ċittadin privat li għandu interess dirett.

“F’demokrazija tassew ħajja u b’saħħitha għandu jiġi mħares u żgurat id-dritt u d-dmir ta’ kull Deputat li jagħmel mistoqsijiet parlamentari fit-tfittixija għall-verità u biex iżżomm lill-Prim Ministru u lill-Ministri taħt skrutinju u kontabbli ta’ għemilhom”, sostna Karol Aquilina.

Hu sostna illi ma jista’ qatt jaqbel mar-ruling mogħti mill-Ispeaker u għalhekk permezz tal-mozzjoni li ġiet preżentata illum, talab lill-Parlament jirrevedi r-ruling, isir rapport fuqu u li jitniżżel fil-minuti tal-proċeduri tal-Kamra.