Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, indirizza l-Laqgħa Generali Annwali tal-General Workers’ Union f’għeluq il-75 sena mit-twaqqif tal-unjin bit-tema “Il-Futur Huwa Issa.”
Minkejja li l-ekonomija qed tikber b’rata mgħaġġla, Adrian Delia tkellem dwar kif qed jikber id-distakk bejn l-għani u l-fqir:
“Mhuwiex tollerabbli li għandna sitwazzjonijiet lampanti fejn hemm każijiet ta’ prekarjat. Għandna sitwazzjonijiet fejn hemm diskrepanzi kbar bejn il-ħaddiema, allura huwa importanti li l-Partit jaħdem ma’ din il-union u ma’ unions oħra għax għandna l-ikbar interess aħna ukoll tal-ħaddiema, tal-kundizzjonijiet tagħhom, kemm fuq il-postijiet tax-xogħol u kemm ta’ ħinijiet ta’ mistrieħ li jixirqilhom. Allura inħares ‘il quddiem li naħdmu mill-qrib ma’ dawk kollha li jirrapreżentaw il-ħaddiema fl-aqwa interess eventwalment tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom infushom.”
Jidher li l-unika soluzzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat għall-ħaddiema Maltin imsħiebha fil-GWU biex isibu aktar ħin għall-familja kienet il-ġurnata miżjuda mal-leave tal-festi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. B’reazzjoni għal dan, Adrian Delia saħaq fuq l-importanza ta’ miżuri aħjar għall-familja għaliex x’jiswa li ħaddiem ikollu aktar flus iżda ma jkollux ħin għall-familja::
“Jien ma naħsibx li nistgħu nkejjlu dan il-piż fuq ġurnata. L-aktar ħaġa importanti hi li għandek sitwazzjoni fejn l-għoli tal-ħajja, il-kirjiet, il-prezzijiet, il-fjuwil, l-enerġija u l-affarijiet ikkunsmati qed iġiegħlu lill-ħaddiema jaħdmu iktar, jaħdmu t-tieni xogħol, jaħdmu over time, u prattikament qed jieklu minn dak li jibqalhom liberu. Vera kollha impjegati ż-żgħażagħ tagħna, imma dak li qed jieħdu d-dar mhux qed iservi. Allura qed titmermer il-kwalità tal-għixien tagħhom.”
Huwa tkellem dwar natura ġdida ta’ skjavitù ġdid fejn iż-żgħażagħ iridu jidħlu fir-rutina ta’ aktar xogħol u inqas ħin mal-familja biex ilaħħqu mal-aspettativi tas-soċjetà fuq il-familja Maltija. Minflok ħafna ħin ix-xogħol u ħin twil fit-traffiku, il-ħaddiema jistħoqqilhom ħin xieraq għall-familja, għall-eżerċizzju u l-isports fost l-oħrajn biex tikber is-sanità tal-Maltin.
Adrian Delia qal li mhux talli n-nisa jkunu kostreti jagħżlu bejn il-familja u x-xogħol, ttalli ġew imċaħħda mill-fond tal-leave tal-maternità, wegħda tal-Gvern 3 snin li s’issa sfuma fix-xejn.
Għalkemm Malta espandiet biex saret ċentru Ewropew għas-servizzi, l-igaming u issa l-blockchain, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mhux jinstabu biżżejjed ħaddiema fit-turiżmu, għas-snajja u x-xogħol tal-id. Għalkemm l-ekonomija kibret b’10% f’dawn l-aħħar 10 snin, il-pagi baqgħu l-istess u għalhekk il-problemi ta’ faqar fil-familji miżerjament żdiedu b’10%. Għalhekk huwa imperattiv li l-ekonomija tkun għas-servizz tal-Maltin f’soċjetà li jimpurtaha.
Il-Partit Nazzjonalisata se jkun hemm biex jimxi din il-mixja mal-unions u appella lis-settur trejd-unjonistiku, fosthom il-GWU, li l-bieb tal-PN huwa miftuħ għal kulħadd.
Is-Segretarju Ġenerali tal-union, Josef Bugeja, għalaq din is-sessjoni b’tislima lill-fundaturi tal-unjin, immexxija minn Reggie Miller, li nibtu l-idea li jiġbru l-ħaddiema kollha f’għaqda waħda.
//= $special ?>