Lazio sofrew waħda mill-akbar telfiet tat-tieni ġurnata tal-Europa League meta sfaw megħluba 4-1 minn Eintracht Frankfurt. Għat-tim Ġermaniż din kienet it-tieni rebħa. DANNY DA COSTA fetaħ l-iskor wara erba’ minuti b’xutt mill-ewwel minn korner. Lazio ġabu d-draw fit-23 minuta b’xutt fil-baxx ta’ MARCO PAROLO, iżda Eintracht Frankfurt reġgħu marru minn fuq ħames minuti b’xutt għar-rokna ta’ FILIP KOSTIC.
Lazio sfaw jilagħbu b’raġel anqas fil-45 minuta meta tkeċċa Dusan Basta. LUKA JOVIC għamilhom 3-1 fit-52 minuta meta qabbeż fuq Silvio Proto. Lazio komplew il-logħba b’disa’ plejers fit-58 wara li tkeċċa Joaquin Correa. Il-Ġermaniżi ssiġillaw ir-rebħa fid-90 minuta permezz ta’ DANNY DE COSTA.
Milan dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Olympiacos 3-1. Kienu l-Griegi li fetħu l-iskor wara 14-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ GUERRERO li għelbet lil Pepe Reina wara li kien irċieva kross mix-xellug.
It-tim ta’ Gennaro Gattuso ġab id-draw fis-70 minuta meta kien is-sostitut PATRICK CUTRONE li daħal tajjeb biex irċieva kross mix-xellug u skorja b’daqqa ta’ ras preċiża. Sitt minuti wara kien GONZALO HIGUAIN li poġġa lil Milan minn fuq b’azzjoni personali, biex reġa’ kien PATRICK CUTRONE li għalaq il-logħba fid-79 minuta meta żmarka ruħu u xeħet mill-viċin wara kross ta’ Calhanoglu.
Chelsea kisbu t-tieni rebħa fi Grupp L meta għat-tieni darba rebħu 1-0 din id-darba kontra Vidi. Il-gowl rebbieħ ġie skorjat minn ALVARO MORAT fis-70 minuta, hekk kif l-attakkant Spanjol skorja mill-qrib wara li rċieva daqqa ta’ ras mingħand Willian.
Arsenal kisbu wkoll it-tieni rebħa fi Grupp E, b’rebħa ta’ 3-0 fl-Ażerbajġan kontra Qarabag. SOKRATIS PAPASTATHOPOULOS fetaħ l-iskor wara ħames minuti meta xellef fix-xibka daqqa ta’ ras ta’ Nacho Monreal. EMILE SMITH-ROWE rdoppja l-iskor fil-50 minuta b’konklużjoni fil-baxx, biex iż-żagħżugħ l-ieħor MATTEO GUENDOUZI għamilhom 3-0 b’xutt djagonali għar-rokna.
//= $special ?>