Lokali

Daqqa oħra għall-Gvern ta’ Muscat

Elenkat ir-rekord negattiv tal-Ministru Edward Scicluna

Il-Ministru Edward Scicluna sar l-ewwel Ministru tal-Finanzi fl-Unjoni Ewropea li ngħata daqqa ta’ ħarta mill-Kummissjoni Ewropea meta kkummentat dwar il-ħasil tal-flus f’pajjiżna.

Dan meta l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jourova qalet lil The Financial Times li l-Kummissjoni se tkun qed toħroġ “opinjoni formali” dwar x’azzjoni għandha tittieħed minn Malta wara li l-FIAU baqa’ ma indirizzax it-tħassib tal-Awtorità Bankarja Ewropea f’Lulju li għadda.

Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono, il-Partit Nazzjonalista qal li hu ċar li l-Kummissjoni Ewropea ma kinitx impressjonata bil-mod kif l-awtoritajiet Maltin qed jiġġieldu l-ħasil tal-flus. Dawn l-awtoritajiet, fosthom l-FIAU jaqgħu taħt ir-responsabbiltà politika tal-Ministru Edward Scicluna.

Iżda minkejja t-tentattivi tal-Ministru tal-Finanzi biex jagħti verżjonijiet differenti, l-Unjoni Ewropea qed tkompli tinsisti li se tipproċedi bl-azzjonijiet legali kontra Malta biex issalva l-interessi tal-pajjiżi membri.

Il-Partit Nazzjonalista elenka r-rekord negattiv tal-Ministru Edward Scicluna, partikolarment meta ppermetta li l-awtoritajiet regolatorji tilfu l-indipendenza tagħhom, li l-awtoritajiet baqgħu ma ħadu l-ebda azzjoni kontra l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, li żewġ Uffiċjali tal-FIAU tneħħew mill-FIAU mingħajr l-ebda raġuni valida – fosthom Jonathan Ferris li kien qed jinvestiga l-iskandli tal-Bank Pilatus – u kif is-sid tal-istess Bank Pilatus qed jiffaċċja akkużi serji fl-Istati Uniti.

F’każ wara l-ieħor, il-Ministru tal-Finanzi ma rnexxielux jonora l-wegħda li għamel li jservi l-pajjiż. Minflok, hu għażel li jipproteġi lil sħabu fil-Kabinett minflok l-interessi tal-pajjiż jew is-settur li suppost qed iservi, temmet tgħid l-istqarrija.