Għawdex Lokali Transport

Għawdex minsi għal kollox minn ‘Infrastructure Malta’

Ebda triq Għawdxija ma tniżżlet fil-lista ta' toroq ġodda li se jsiru

Fil-lista ta’ toroq li Infrastructure Malta ħarġet l-Erbgħa li permezz tagħhom ħarġet sejħa għall-bini tagħhom fl-2019, il-lokalitajiet Għawdxin mill-ġdid tħallew fuq l-ixkaffa u minsija għalkollox. Fil-lista ppubblikata, il-Gvern ma niżżel lanqas triq waħda f’Għawdex li se tinbena mill-ġdid fl-2019.

Dan hekk kif il-Gvern Laburista qed ikompli jinjora lill-Għawdxin u jidher l-isforzi tal-Ministru t’Għawdex, Justyne Caruana, biex il-proġetti kapitali tal-Gvern ma jaslux saċ-Ċirkewwa biss, kif stqarret fit-Torċa, sfumaw fix-xejn.

Huwa fatt magħruf kif il-proġetti infrastrutturali f’Għawdex ħadu daqqa lura f’dawn l-aħħar 5 snin taħt Gvern Laburista hekk kif qajla nbnew mill-ġdid toroq ġodda, ħlief għal xi waħda ‘l hemm u ‘l hawn, bħal fil-każ tal-wiċċ ġdid li ngħata lit-triq tal-Qala.

Bosta kienu l-Għawdxin li lmentaw kif Għawdex mhux biss qed tinqabeż f’fondi Ewropej iddedikati lilha iżda issa anki f’fondi nazzjonali hekk kif huwa evidenti li Għawdex mhuwiex prijorità għall-Gvern.