Lokali

Il-Gvern jirtira l-abbozzi ta’ liġi dwar l-edukazzjoni

Il-Gvern jirtira l-abbozzi ta’ liġi 53, 54 u 55 dwar l-edukazzjoni. Dan tħabbar illejla mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru. Minkejja dan l-irtirar, il-Ministru Bartolo baqa’ jinsisti li l-Abbozz ma kienx ta’ theddida għall-warrants eżistenti tal-għalliema.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru qal li l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia fejn għarrfu formalment bl-irtirar ta’ dawn l-abbozzi.

Il-Ministru appella lill-union tal-għalliema (MUT), li ladarba il-Gvern aċċetta t-talba tal-union u l-abbozzi kienu rtirati, biex jirtiraw l-istrajk ordnat għal nhar it-Tnejn. Mistoqsi x’se jiġri minn dawn l-abbozzi, Evarist Bartolo wieġeb li se ssir konsultazzjoni mal-MUT, isiru l-emendi biex il-liġi jkollha l-appoġġ ta’ kulħadd u se jistieden l-MUT biex tkun preżenti meta l-abbozzi jaslu fl-istadju ta’ Kumitat fil-Parlament sabiex jaraw li l-emendi jsiru liġi kif maqbul.

Hu kkundanna l-attakki li saru fuq l-edukaturi fuq il-media soċjali u qal li anki jekk l-istrajk isir, l-għalliema xorta waħda se jkollhom il-protezzjoni tal-Ministeru.