Wara li iktar kmieni din il-ġimgħa żar l-Universita’ ta’ Malta, il-Ġimgħa filgħodu kien imiss li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia iżur il-Junior College hekk kif l-istudenti ġodda bdew l-esperjenza ġdida tagħhom ta’ edukazzjoni post-sekondarja.
Hu ntlaqa’ fil-kampus mill-Prinċipal tal-Kulleġġ Paul Xuereb u l-Viċi Prinċipal Roderick Vassallo u dar id-diversi stands tal-għaqdiet tal-istudenti, għaqdiet mhux governattivi u aġenziji li joffru servizzi għaż-żagħżagħ.
Imma l-parti l-kbira taż-żjara kienet dedikata għal diskussjonijiet maż-żagħżagħ, fl-ambjent tagħhom.
Fil-fatt hu qatta ħin twil jitkellem magħhom fuq affarijiet ta’ kuljum. F’kumment ma’ Net News fi tmiem iż-żjara, Adrian Delia iddeskriva t-taħdidiet li kellu mal-istudenti.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali u kelliem dwar l-edukazzjoni Clyde Puli u l-kandidat tal-PN Justin Schembri.