VALLETTA……………………. 4 BALZAN………………………. 1
Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Borg, J. Zerafa, R. Saleh (B. Gavrila 82’), R. Muscat, M. Alba, M. Piciollo (R. Camilleri 65’), B. Kaljevic (J. Caruana 78’), M. Fontanella
Balzan: S. Sultana, I. Bozovic, E. Serrano Valero, M. Johnson, S. Bezzina (S. Cipriott 76’), U. Ljubomirac, M. Lepovic, N. Slijvic (J. Grioli 90’), A. da Paixao Alves (S. Eddin Arab 84’), A. Effiong, A. Majdevac
Imwissija: M. Johnson 17’, A. Majdevac 30’, A. da Paixao Alves 51’, E. Serrano Valero 75’ (B), B. Kaljevic 72’ (V)
Skorjaw: U. Ljubomirac 4’ (B), M. Fontanella 44’, 47’, B. Kaljevic 72’, E. Pena Beltre 87’ (V)
Referee: Stefan Pace
Assistenti Referees: Duncan Sultana, William Debattista
In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Mario Fontanella (Valletta)
Attendenza: 1124
Valletta kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Balzan 4-1 fl-aħjar konfront tas-sitt ġurnata. Iż-żewġ timijiet ġeddew ir-rivalità tal-istaġun li għadda, b’Valletta iwettqu reazzjoni tajba biex taw it-tieni telfa fil-kampjonat lil Balzan.
Balzan fetħu l-iskor wara erba’ minuti fl-ewwel azzjoni denja. UROS LJUBOMIRAC irċieva ballun fit-tul li biha nqabdet id-difiża Beltija, daħal fil-kaxxa u b’xutt djagonali fil-baxx għeleb lil Henry Bonello.
Valletta wettqu reazzjoni u fid-19-il minuta laqtu l-lasta b’xutt mid-distanza ta’ Enmy Pena Beltre li niżel fuq il-mimduda. Id-difensur laterali ta’ Valletta reġa’ kien perikoluż fit-28 minuta b’xutt mil-lemin li kien salvat parzjalment, b’Kaljevic jixħet barra mill-viċin.
Valletta komplew jattakkaw u fl-40 minuta reġa’ kien Pena Beltre li krossja mil-lemin lejn l-issikkat Bojan Kaljevic, iżda t-tentattiv tiegħu għadda barra. Il-Beltin ġabu d-draw fl-44 minuta f’azzjoni maħduma tajba. Kien kross lejn Bojan Kaljevic, bl-attakkant jara d-daqqa ta’ ras mbiegħda parzjalment, il-ballun spiċċa fuq il-lemin għand Miguel Alba li krossja għan-nofs lejn MARIO FONTANELLA li skorja mill-viċin.
Il-kliem ta’ Danilo Doncic waqt il-ħin tal-mistrieħ deher li ispira lill-plejers tiegħu hekk kif Valletta marru minn fuq fis-47 minuta. Kien Fontanella li qassam lejn Kaljevic, bil-Montegrin jerġa’ jirritorna lejn MARIO FONTANELLA li minn qagħda ftit angolata għeleb lil Sultana b’xutt bix-xellug li ħabat ma’ sieq il-lasta qabel daħal fix-xibka.
Balzan bdew jattakkaw aktar u f’temp ta’ ftit sekondi kellhom żewġ azzjonijiet importanti. Fit-58 minuta kien Henry Bonello li salva wiċċ imb wiċċ konklużjoni ta’ Andrija Majdevac, biex ftit sekondi wara reġa’ kien il-gowlkiper Belti li ddistingwa ruħu. Tliet minuti wara da Paixao Alves irċieva minn qagħda tajba fil-kaxxa, iżda x-xutt tiegħu kien imxellef u spiċċa ftit barra.
Danilo Doncic għamel bidla tattika fejn daħħal lil Ryan Camilleri flok Matteo Piciollo u bidel is-sistema għal 3-5-2. Din il-bidla ħalliet il-frott hekk kif Valletta għalqu l-logħba fit-72 minuta. Kienet għal darba oħra kombinazzjoni taż-żewġ attakkanti Beltin, b’Kaljevic jgħaddi lejn Fontanella li avvanza iżda kien issikkat. B’intelliġenza t-Taljan qassam bit-takkuna lejn BOJAN KALJEVIC li għeleb lil Sultana bil-konklużjoni tkun imxellfa fix-xibka.
Dan il-gowl qata’ lil Balzan, b’Valletta jkollhom aktar okkażjonijiet ta’ skor. Fil-81 minuta kien Steve Sultana li salva tajjeb xutt ċentrali ta’ Saleh. Tliet minuti wara, Fontanella ħa vantaġġ minn żball ta’ Serrano Valero, iżda x-xutt finali spiċċa barra. Valletta skorjaw ir-raba’ gowl fis-87 minuta B’ENMY PENA BELTRE jgħaddi l-ballun minn taħt Sultana.
//= $special ?>