Il-Qorti Kostituzzjonali uriet għal darb’oħra kemm il-Gvern Laburista nawwar il-Ġustizzja f’każ gravi, meta ħalla lir-raġel ta’ Ministru Laburista jinvestiga l-qtil tal-Ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja u Governanza Adrian Delia wara li l-ogħla Qorti fil-pajjiż, ippreseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, ordnat kif kienet għamlet l-Ewwel Qorti, li r-raġel tal-Ministru Laburista Justyne Caruana jitneħħa mill-investigazzjoni fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Qorti Kostituzzjonali kkwotat lill-Familja Caruana Galizia stess, li dan hu qtil potenzjalment politiku, filwaqt li kkonfermat dan meta kkwotat lir-raġel tal-Ministru Laburista stess, li qal li ħadd mhu eskluż li qabbad dan il-qtil politiku.
Adrian Delia qal li din id-deċiżjoni importanti turi kif il-Gvern Laburista nawwar l-istituzzjonijiet għalkollox u dak li messu sar mill-ewwel mill-Pulizija u mill-Gvern, kellha tagħmlu l-aħħar difensur li baqa’ s’issa għad-drittijiet tal-Maltin: il-Qorti Kostituzzjonali.
F’pajjiż normali, ir-raġel ta’ Ministru kien iwarrab mill-ewwel mill-investigazzjoni ta’ dan il-qtil li xxokkja l-pajjiż. Jekk le, allura messu kien il-Kummissarju tal-Pulizija li ġegħlu jwarrab. U jekk lanqas dan ma seħħ, allura messu kien il-Gvern li mill-ewwel neħħa lir-raġel ta’ Ministru tiegħu milli jinvestiga qtil bħal dan.
Iżda jekk lanqas dan ma seħħ, messu kien il-Gvern li aċċetta s-sentenza tal-Ewwel Qorti minflok ma pprova jkompli jtawwal flimkien mal-Avukat Ġenerali. Dan meta l-Avukat Ġenerali kompla jippersisti fil-ħsara lil dan il-proċess meta appella mid-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti.
Il-Kap tal-Oppozizzjoni qal li l-fatt li r-raġel ta’ Ministru ma tneħħiex mill-investigazzjonijiet, u kellha tkun il-Familja Caruana Galizia li titlob u l-Qrati tagħna, fl-ewwel istanza u anke issa fl-appell jordnaw dan, juri kemm il-Gvern Laburista nawwar għalkollox istituzzjonijiet importanti fil-Ġustizzja, bħall-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li l-investigazzjoni dwar min qabbad dan il-qtil politiku ma setgħetx issir tajjeb f’għajnejn iċ-ċittadin jekk kienet imdardra bil-preżenza tar-raġel ta’ Ministru. Ikkummentat ukoll li dan jagħmel ħsara anke lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna meta l-qtil qajjem agħa fl-Ewropa u fid-dinja.
//= $special ?>