Lokali

“Irridu li l-Prim Ministru jirtira l-abbozz” – UPE

Il-moral huw baxx u l-għalliema mhumiex kuntenti

Il-Union of Professional Educatonrs, il-UPE, f’ konferenza għal-ġurnalisti quddiem il-bini tal-Ministeru tal-Edukazzjoni qalet li meta llum l-għalliema suppost qegħdin jiċċelebraw il-jum iddedikat lilhom, iżda minflok reġgħu sabu ruħhom jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.

Il-UPE saħqet li meta kien il-gvern li ppreżenta dan l-abbozz li qed jiġi kkontestat mil-unions kollha tal-għalliema, għandu jkun propju l-gvern li jirtira għal kollox dan l-abbozz u mhux jistenna li l-unions jirtiraw id-direttivi tal-istrajk qabel ma hu jagħmel dan.  Graham Sansone, Kap Eżekuttiv tal-Union, wera’ t-tama li l-Prim Ministru jżomm il-kelma tiegħu li jirtira għal kollox dan l-abbozz.

Il-union semmgħiet fost oħrajn li waħda mill-akbar kontestazzjonijiet tagħha għal dan l-abbozz hija r-rabta li saret bejn il-warrant u l-iżvilupp kontinwu tal-edukaturi. L-għalliema fil-preżent diġa huma obbligati jsegwu programm ta’ żvilupp kontinwu u għalhekk din ir-rabta ma kienitx meħtieġa.

Wara li kemm il-Ministru tal-Edukazzjoni, is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, is-Segretarju Permanenti għall-Isport u ż-Żgħazagħ u l-Prim Ministru nnifsu ċaħdu li dan l-abbozz jibdel xi ħaġa minn dak ta’ qablu, Graham Sansone, Kap Eżekuttiv tal-UPE qal li l-għalliema mhumiex qed jinterpretaw is-sitwazzjoni b’dan il-mod.

Hu kompla jgħid li l-moral fost l-għalliema huwa baxx u l-għalliema mhumiex kuntenti minħabba diversi fatturi, fosthom il-ftehim kollettiv.  Hu qal li dawk li kienu msejħa żidiet fenomenali tul id-diskussjonijiet mal-gvern, illum l-edukaturi irealizzaw li ma resqu mkien lejn l-aspettativi li kellhom.

Il-union semmiet ukoll is-sistema edukattiva mhux qed iġġib ir-rispett mistħoqq.  Graham Sansone qal li r-rispett lejn l-edukaturi jibda mill-Ministeru li għabndu jagħraf li l-għalliem hu l-persuna li tiżviluppa s-soċjeta u li jekk dan ir-rispett ma jiġix mill-ogħla livelli, wieħed ma jeħdhiex bi kbira li jkun hemm persuni oħra li juru disprezz lejn l-edukaturi.  Hu rrefera wkoll għal kummenti dispreġġhattivi li ngħaddew fuq il-media soċjali dwar l-għalliema fid-dawl tal-azzjonijiet industrijali li ngħataw.

Il-Union qalet li d-dipartiment irid jieħu rendikont tal-uġigħ li qed iħossu l-għalliema wara d-diversi tibdiliet li kellhom jgħaddu tul din is-sena.