Futbol Sport

It-tieni rebħa konsekuttiva għal Torino

(Ritratt: EPA)

Torino kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva b’rebħa f’darhom ta’ 3-2 fuq Frosinone. TOMAS RINCON fetaħ l-iskor fl-20 minuta b’xutt preċiż minn barra l-kaxxa. Torino rduppjaw ftit sekondi mill-ftuħ tat-tieni taqsima permezz ta’ DANIELE BASELLI li għeleb lil Marco Sportiello mir-rebound wara li x-xutt ta’ Simone Zaza kien salvat parzjalment.

Frosinone wettqu reazzjoni u daħlu fil-logħba fit-58 minuta meta l-ballun kien kważi sejjer barra minn korner, Cristian Molinaro rnexxielu jikkrossja għan-nofs b’EDOARDO GOLDANIGA jantiċipa lil Salvatore Sirigu u jixħet fix-xibka. Frosinone saħansitra ġabu d-draw sitt minuti wara bi kross ta’ Joel Campbell lejn CAMILLO CIANO li skorja bi ġmiel ta’ daqqa ta’ ras.

Iżda Torino skorjaw il-gowl tar-rebħa fil-71 minuta b’gowl mill-isbaħ ta’ ALEX BERENGUER, bix-xutt minn barra l-kaxxa jintemm fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Tags