Internazzjonali

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nobel għal Paċi

Nadia Murad (xellug) u Denis Mukwege

Denis Mukwege, ġinekologu li jgħin il-vittmi tal-vjolenza sesswali fil-kamp tal-gwerra fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u Nadia Murad, tfajla Yazidi li kienet torturata u stuprata mill-ISIS fl-Iraq, kienu dikjarati r-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena.

Il-Kumitat Nobel, bażat f’Oslo fin-Norveġja, qal li dawn it-tnejn ingħataw il-premju għall-isforzi tagħhom biex iwaqqfu l-istupru u l-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra. Intqal li t-tnejn li huma għamlu kontribut kbir biex jiġbdu l-attenzjoni fuq dawn ir-reati u biex isir minn kollox biex jitwaqqaf.
Mukwege jmexxi l-Isptar Panzi f’Bukavu fil-Kongo u hu stmat li kkura mat-30,000 mara u tfajla vittmi ta’ vjolenza sesswali. Hu jinsab taħt protezzjoni tat-truppi għaż-żamma tal-paċi tan-Nazzjonijiet Uniti għaliex fil-mira minħabba l-ħidma tiegħu.

Kemm Mukwege kif ukoll Murad ingħataw diversi premjijiet oħra tul is-snin għall-ħidma tagħhom. Fl-2008 hu rebaħ il-Premju tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-2009 l-unur tal-Afrikan tas-Sena. Murad fost l-oħrajn, fl-2016, kienet ippremjata bil-Vaclav Havel Human Rights Prize mill-Kunsill tal-Ewropa u nħatret Ambaxxatur tan-Nazzjonijiet Uniti għall-vittmi tat-traffikar tal-bniedem.

Il-premju issa jingħata waqt ċerimonja uffiċjali li ssir f’Oslo fl-10 ta’ Diċembru li ġej.