Edukazzjoni Lokali

Muscat jhedded li jekk ma jirtirawx l-istrajk, ma jirtirax il-liġi

L-MUT tirtira minn laqgħa ma' Evarist Bartolo minħabba l-mod kif ġew trattati l-għalliema

Net News ikkonferma żvilupp importanti fil-kwistjoni tal-għalliema, hekk kif Joseph Muscat, wara li ġie dahru mal-ħajt dalgħodu hedded illi jekk l-għalliema ma jirtirawx l-istrajk ma kienx se jirtira l-liġi l-ġdida tal-edukazzjoni.

Meta pressat mill-ġurnalisti ta’ Net News kmieni dalgħodu waqt żjara li kellu fil-Fgura, Joseph Muscat qal illi l-Gvern lest biss jirtira l-abbozz jekk ma jsirx l-istrajk – kontradizzjoni kbira f’anqas minn 24 siegħa, meta sal-bieraħ kien għadu jwaħħal fl-għalliema, u li dawn ma fehmux il-liġi kif proposta.

Iżda fi żvilupp ieħor, l-għalliema qalu li ħassewhom imkassbra bil-mod kif mexa Muscat għaliex żammhom fil-għama dwar dawn l-iżviluppi. Kien għalhekk illi irtiraw minn laqgħa li kellhom mal-Ministru Evarist Bartolo.

Sa issa, l-istrajk tat-Tnejn għadu ma tħassarx.

Il-mossa tal-Gvern li jmiss il-warrants tal-għalliema ġabet kundanna kbira mill-MUT, il-UPE, l-Assoċjazzjoni tal-Akkademiċi Universitarji u anke l-Fakulta’ tal-Edukazzjoni.