Lokali Qorti

L-attur John Suda jinstab ħati ta’ abbuż

L-attur John Suda ġie kkundannat tnax-il xahar priġunerija sospiżi għal sentejn wara li nstab ħati li lura fl-2015 wettaq atti indiċenti fuq attriċi ta’ 22 sena.

Dan kollu seħħ wara li l-akkużat stieden lill-vittma sabiex tieħu sehem f’teledramm lokali. Fil-Qorti nstemgħa kif l-attur ordna lit-tfajla sabiex tinża nuda u tirreċta l-linji. Ġie spjegat ukoll kif Suda rabtilha wiċċha b’ċaruta ma’ għajnejha u ħalliha ddur mal-kamra sabiex tidħol fil-karattru.

Kien hawn li John Suda allegatament neża’ ħwejġu u ordnalha sabiex tpoġġi fuqu – fost ħafna affarijiet espliċiti oħra.

Fix-xhieda tiegħu mal-Pulizija, Suda insista li dan il-metodu użah kemm-il darba ma’ diversi atturi oħra. Madanakollu fil-Qorti ħareġ fid-deher kif it-tfajla ma riditx tkun parteċipi f’dan il-metodu.

Intant, il-Qorti ordnat sabiex l-identità tal-vittma tiġi protetta.