L-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista llum, fil-Jum Dinji tal-Għalliema, sellmu b’apprezzament għal dak li jagħtu fuq tant snin lill-istudenti. “L-għalliema huma pilastru ewlieni fl-edukazzjoni, flimkien mal-ġenituri u l-istudenti nfushom. Huma kruċjali biex jagħtu l-ħiliet li ż-żgħażagħ tagħna tant għandhom bżonn biex ikollhom għajxien tajjeb fil-futur”.
Hekk stqarr il-PN fi stqarrija maħruġa llum minn Clyde Puli, Segretarju Ġenerali tal-PN u kelliem għall-Edukazzjoni.
F’jum li suppost nieqfu fl-apprezzament tal-għalliema u niċċelebraw il-kontribut tagħhom, f’Malta sfortunatament qed naraw għalliema demotivati, kif joħroġ minn studju xjentifiku ta’ akkademiċi mill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università. Qed naraw għalliema li lanqas huma fdati mill-Gvern Laburista jagħmlu photocopy. U proprju bħalissa qed naraw ukoll fuq l-għalliema dak li l-union tagħhom qed tgħid ċar li hu ‘assedju’ fuq il-professjoni u treġġigħ lura tal-kisba ewlenija tal-warrant professjonali tagħhom.
Dan qed isir mill-Gvern Laburista permezz ta’ liġijiet li jagħmlu bidliet radikali fil-professjoni tal-għalliema u fis-sistema edukattiva bla ma ngħatat informazzjoni jew saret il-konsultazzjoni meħtieġa mal-għalliema f’riforma fundamentali. Il-Partit Laburista fil-gvern ressaq liġi li – kif spjegat tajjeb il-Union tal-Għalliema (MUT) – se tirtira l-warrants permanenti tal-għalliema u tagħmilhom warrants temporanji. Barra minn dan, il-kriterji għall-kisba tal-warrant huma mċajpra b’mod li jista’ jwassal għal abbuż tal-poter. Hemm diversi punti oħrajn fil-liġijiet li ressaq il-Gvern Laburista li huma rigressivi.
Minflok jibni fuq it-tajjeb li sar fl-aħħar tletin sena mindu l-għalliema ngħataw l-istatus professjonali li kienu jgawdu s’issa, il-Gvern Laburista qed iħott prinċipji importanti dwar il-warrant professjonali tal-għalliema. U fejn ikun hemm kriterji mċajprin, evidentement jidħol l-abbuż tal-poter li l-Partit Laburista hu tant magħruf għalih.
Il-Partit Nazzjonalista – il-partit tal-edukazzjoni – iwiegħed lill-għalliema issa u fil-futur l-appoġġ, ir-rispett u l-kisbiet li dejjem għamlu permezz tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>