Dan l-istħarriġ, li jiskrutinizza ’l fuq minn 200 pajjiż madwar id-dinja, jiffoka fuq il-kwalità tal-governanza f’kull wieħed minn dawn il-pajjiżi u jaġġorna l-punteġġi kull sena. L-istħarriġ hu bbażat fuq sitt pilastri.
Fil-każ ta’ Malta, iċ-ċifri juru li meta dawn jitqabblu ma’ dawk tal-2012 – l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista – pajjiżna mar lura f’ħamsa mis-sitt dimensjonijiet tal-governanza kif imkejla mill-istħarriġ. Tnejn mill-oqsma li fihom Malta marret lura huma r-Rule of Law u l-Kontroll tal-Korruzzjoni.
Il-Bank Dinji jikkonsulta numru kbir ta’ entitajiet ta’ fama internazzjonali flimkien mal-esperti fis-suġġett biex jasal għall-konklużjonijiet tiegħu.
Dimensjonijiet oħra li fihom Malta marret lura meta mqabbla ma’ ħames snin qabel jolqtu l-kontabbiltà, l-effettività tal-Gvern fil-policies tiegħu, u l-kwalità tal-policies li jippermettu l-iżvilupp tas-settur privat.
L-unika dimensjoni li wriet titjib kienet dik tal-istabbiltà politika billi fl-2012, il-Gvern Nazzjonalista kellu fi ħdanu numru żgħir ta’ deputati li kienu qed jheddu din l-istabbiltà. Uħud minn dawn, wara, ingħaqdu mal-Labour.
Il-Bank Dinji jagħti enfasi qawwija fuq il-ħtieġa tal-governanza tajba fit-tmexxija tal-pajjiżi fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u r-riżorsi soċjali b’risq l-iżvilupp tagħhom.
Fl-aħħar ħames snin, il-Gvern Malti kien kemm-il darba ċċensurat mill-Parlament Ewropew għal nuqqas ta’ governanza tajba, fosthom dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti u dwar każi ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-Rule of Law.
//= $special ?>