Lokali

Sodisfazzjon li l-Gvern temm it-tnikkir tiegħu ta’ sentejn fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni kontra l-moħqrija tal-klieb

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-Kelliem tiegħu għad-drittijiet tal-annimali Mario Galea fi stqarrija rrefera għal dak li ġie rappurtat fil-media, jiġifieri li skont is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, se jsir illegali li xi ħadd iżomm kelb marbut b’mod permanenti b’katina.

Mario Galea qal li din hija aħbar pożittiva li l-Partit Nazzjonalista ilu jagħmel pressjoni lill-Gvern fuqha. Fil-fatt, fl-2016, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet ressqet Private Members Bill propju dwar dan. Sfortunatament, dak iż-żmien, il-Gvern kien injora l-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Oppożizzjoni u baqa’ ma ressqux quddiem il-Parlament.

Qabel ma l-Parlament waqaf għall-vaganzi tas-sajf, is-Segretarju Parlamentari kien iltaqa’ ma Mario Galea u spjega l-abbozz ta’ liġi li skont hu kellu jressaq fil-Parlament. Ħafna minn dan l-abozz kien eżatt dak li kienet ipproponiet l-Oppożizzjoni Nazzjonalista fl-abbozz tagħha ta’ sentejn ilu u għalhekk l-kelliem tal-Partit Nazzjonalista kien ddikajara li kien lest jissekonda l-abbozz tiegħu. Iżda lanqas dan l-abozz ma tressaq fil-Parlament.

Ta’ min ifakkar ukoll li l-abbozz imressaq mill-Oppożizzjoni fl-2016 kien jinkludi wkoll li kullari li jagħtu xokk elettriku lil kelb meta jinbaħ kellhom ukoll isiru illegali. F’dak irrappurtat fil-media, minn dan ma jissemma xejn.

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li, anke jekk tard, il-Gvern, wara sentejn jitnikker fuq l-inizjattiva tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, ħa passi biex kelb ma jkunx jista’ jitħalla marbut b’mod permanenti.

L-Oppożizzjoni terġa’ tinsisti wkoll li r-regolamenti ma jfissru assolutament xejn jekk ma jiġux infurzati.

Barra minn hekk, l-Oppożizzjoni ttenni li l-ħaddiema tal-Animal Welfare għandhom jingħataw l-għodda u t-taħriġ meħtieġ biex ikunu jistgħu jaħdmu u jinfurzaw il-liġijiet.