Edukazzjoni Lokali

AĠĠORNATA: Irtirat l-istrajk ordnat għal nhar it-Tnejn wara li l-Gvern irtira tliet abbozzi ta’ liġi

Il-warrant tal-għalliema m’għadux marbut mal-iżvillup professjonali kontinwu wara li l-Gvern irtira t-tliet abbozzi ta’ liġi dwar l-edukazzjoni.

Fid-dawl tal-qbil dwar din il-kwistjoni u l-kwistjonijiet pendenti l-oħra relatati mal-Kindergarten Assistants u l-Learning Support Assistants, il-Union tal-Għalliema l-MUT, irtirat l-istrajk tal-għalliema li kien ordnat għal nhar it-Tnejn.

Dan tħabbar mill-President tal-MUT Marco Bonnici fi tmiem laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo fil-Ministeru fil-Furjana li damet madwar sagħtejn.

Kompla li kemm il-warrants u l-liċenzji eżistenti kif ukoll dawk li se jinħarġu fil-futur, se jkunu taħt il-kundizzjonijiet eżistenti. Dwar l-abbozzi li l-Ġimgħa tħabbar mill-Gvern li kienu rtirati, Marco Bonnici qal l-pass li jmiss hu li jkun hemm diskussjonijiet mal-Ministeru fit-tfassil tal-emendi fl-abbozzi tal-liġi biex dawn jiġu jirriflettu dak li kien maqbul u eventwalment l-abbozzi jitressqu mill-ġdid fil-Parlament kif emendati. Kemm Marco Bonnici kif ukoll il-Ministru Evarist Bartolo qalu li m’hemmx ħsieb ta’ żmien meta l-abbozzi ta’ liġi jitressqu fil-Parlament.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo jikkummenta li wara l-maltemp jiġi l-bnazzi

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll kwistjonijiet pendenti oħra bħall-dik tal-photocopies tal-għalliema fl-iskejjel tal-iStat. Marco Bonnici qal li l-MUT ipproponiet li operaturi privati ikunu jistgħu jikkompetu mal-Istamperija tal-Gvern u x-xogħol jingħata lil min jipprovdi l-aħjar servizz.