Lewis Hamilton se jibda l-Grand Prix tal-Ġappun fuq quddiem hekk kif għamel l-aħjar ħin fil-provi uffiċjali f’Suzuka. Din kienet it-80 pole position u l-ewwel waħda f’Suzuka fil-karriera tal-Britanniku, bit-tim tiegħu Mercedes jieħu l-aħjar deċiżjonijiet fit-tielet parti tal-kwalifika.
Mhux l-istess jista’ jingħad għar-rivali tiegħu Sebastian Vettel li temm fid-disa’ post. Dan seħħ wara strateġija żbaljata tat-tim minn Maranello li għażel li jibda t-tielet fażi bit-tyres intermediate meta l-kundizzjonijiet tat-temp ma kinux għadhom inbidlu totalment. B’hekk se jkun diffiċli għas-sewwieq Ġermaniż li għada jlaħħaq ma’ Hamilton, bid-distakk bejn it-tnejn diġà hu ta’ 50 punt.
Iż-żewġ sewwieqa tal-Ferrari kienu l-uniċi li bdew b’dan it-tyres, bit-tmien sewwieqa l-oħra kollha joħorġu bis-super soft. Hamilton għamel l-aħjar ħin fl-ewwel mumenti, b’Vettel u Raikkonen ikollhom jerġgħu jidħlu biex jibdlu t-tyres, iżda malli bdew jagħmlu l-ħin tagħhom, bdiet nieżla ftit ix-xita u dan wassal biex ma setgħux jagħmlu l-aħjar ħin.
B’hekk l-aħħar minuti kienu formalità, b’Hamilton jispiċċa l-ewwel segwit minn sieħbu Valtteri Bottas u l-Olandiż tar-Red Bull Max Verstappen. Kimi Raikkonen għamel ir-raba’ l-aħjar ħin segwit minn Romain Grosjean, Brendon Hartley, Pierre Gasly, Esteban Ocon, Sebastian Vettel u Sergio Perez.
Diżappunt ukoll għal Daniel Ricciardo tar-Red Bull li se jibda mill-15-il post wara problemi mekkaniċi tal-magna Renault li wasslu biex ma għamilx ħin fit-tieni fażi. Hu u miexi fil-pit lane nstemgħet ukoll il-frustrazzjoni tal-Awstraljan fejn instema’ jgħajjat bil-helmet f’rasu.
//= $special ?>