Futbol Sport

Hibernians jirbħu bi tliet gowls fi kwarta

(Ritratt: Domenic Aquilina)

TARXIEN RAINBOWS…………………2   HIBERNIANS………………….4

Tarxien: A. Cassar, A. Scicluna, S. Radovanovic, D. Zerafa (L. Grech 74’), R. Radu (M. Ciantar 70’), Anderson, G. Aquilina, D. Falzon, J. Wemmer, Ricardinho, A. Nilsson (M. Brincat 76’)

Hibernians: A. Hogg, M. Dias, I. Ntow, A. Agius, N. Radojevic, D. Vella, B. Kristensen (J. Bezzina 74’), J. Mbong, Taylon, J. Degabriele (D. Xuereb 83’), T. Fonseca (I. Blazevic 72’)

Skorjaw: T. Fonseca 4’ (H), J. Wemmer 18’ (T), T. Fonseca – pen. 54’ (H), Taylon 63’ (H), J. Degabriele 68’ (H), D. Falzon 93’ (T)

Imwissija: A. Agius 36’, B. Kristensen 70’ (H)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Paul Apap, Theodore Zammit

Il-Mument plejer tal-logħba: Tiago Fonseca (Hibernians)

Attendenza: 582

Rapport: George Cassar

Hibernians skorjaw tliet gowls fi kwarta lejn il-bidu tat-tieni taqsima biex warrbu l-isfida tal-ġirien Tarxien. Ir-Rainbows kellhom prestazzjoni tajba fl-ewwel taqsima fejn kellhom anki gowl imħassar li seta’ tefagħhom fil-vantaġġ, iżda mbagħad sofrew penalty kontrihom u minn hemm donnhom ċedew l-armi għax sofrew żewġ gowls oħra.

Fil-bidu tal-partita ż-żewġ timijiet insew ir-rivaltà ta’ bejniethom u ngħaqdu għal kawża ġusta hekk kif il-plejers taż-żewġ naħat libsu flokk bil-kliem “Kuraġġ Kane” bħala solidarjetà maċ-ċkejken Furjaniż Kane li għadu kif għamel operazzjoni diffiċli.

Fl-ewwel ftit sekondi Tiago Fonseca ħarab lid-difiża Tarxiniża u laqat il-mimduda. Dan kien il-preludju tal-gowl għax fir-raba’ minuta Hibernians skurjaw. Minn azzjoni mibdija minn freekick, Jurgen Degabriele għadda lejn TIAGO FONSECA li mattar siequ qabel kulħadd u skurja bil-ballun jaħbat mal-gowlkiper Andrea Cassar qabel daħal fix-xibka.

Fl-azzjoni ta’ wara kienu Tarxien li laqtu l-lasta meta l-korner ta’ Gabriel Aquilina fixkel lil Andrew Hogg li ma deherx ċert mill-ħarġa tiegħu u d-daqqa ta’ ras ta’ Jens Wemmer  ħabtet mal-lasta. Fit-18-il minuta Tarxien skurjaw ukoll meta minn kross ta’ Ricardinho, id-difiża Pawlista baqgħet timmarka lil Alexander Nilsson iżda nsiet lil JENS WEMMER li għeleb lil Andrew Hogg.

F’ nofs l-ewwel taqsima kien hemm azzjoni kontroversjali hekk kif korner favur Tarxien ta’ Gabriel Aquilina ġie konkluż fix-xibka minn Alexander Nilsson wara geġwiġija fil-kaxxa iżda r-referì Eman Grech ħassar il-gowl.

Tmien minuti mill-bidu tat-tieni taqsina r-referì Grech saffar ra penalty favur Hibernians wara li deherlu li Daniel Zerafa laqat il-ballun b’idu fil-kaxxa. TIAGO FONSECA skurja l-penalty b’xutt b’saħħtu fir-rokna ta’ fuq tal-lemin ta’ Andrea Cassar.

Ftit wara s-siegħa logħob minn pass perfett ta’ Joseph Mbong, TAYLON avvanza u għeleb lil Cassar fil-baxx. Hibernians issiġillaw ir-rebħa bir-raba’ gowl meta JURGEN DEGABRIELE rċieva mingħand Taylon, qabeż lil Daniel Zerafa u skorja b’xutt fil-baxx.

Fid-disgħin minuta Hibernians laqtu l-wieqfa minn xutt tas-sostitut Ivan Blazevic. Fl-azzjoni ta’ wara DAREN FALZON skorja freekick sabiħ li ħasra li ma kellu l-ebda effett fuq ir-riżultat.