Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li, fl-aħħar jiem, żdiedu ċ-ċansijiet li l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jaqblu fi ftehim dwar il-Brexit.
Juncker qal lill-istampa tal-Awstrija li għalkemm ma jistax ikun ċert li l-ftehim kapaċi jintalaħaq dan ix-xahar, ‘hu mhux qed jeskludi li l-ftehim jista’ isir ix-xahar id-dieħel’. Fl-istess ħin, Juncker għamilha ċara li l-possibbiltà li l-Brexit ikun konkluż mingħajr ftehim ‘mgħandhiex tkun xi ħaġa tajba għar-Renju Unit inkella l-UE’.
Ir-Renju Unit hu programmat li jispiċċa bħala membru tal-UE fid-29 ta’ Marzu tal-2019 u l-Ministru Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Sir Alan Duncan, ukoll qed jesprimi ottimiżmu li l-ftehim mal-Unjoni ‘ikun f’postu qabel l-aħħar tas-sena’.
Madankollu għad mhemm l-ebda ftehim bejn in-naħat dwar xi issues sensittivi u li jinkludu l-futur tal-fruntiera Irlandiża. Fl-istess ħin, uffiċjali tal-UE, fl-aħħar sigħat, evalwaw b’mod pożittiv il-progress fin-negozjati ma’ Londra waqt li anki esprimew ottimiżmu li l-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża tista’ tkun riżolta, aktar ‘il quddiem.
Il-korrispondenti fi Brussell jemmnu li l-uffiċjali għadhom qed jistinkaw biex il-ftehim sħiħ għall-irtirar tar-Renju Unit mill-UE ‘ikun bażikament konkluż saż-żmien meta jsir is-summit li jmiss tal-Unjoni, fis-17 ta’ Ottubru’.L-iżviluppi ntlaqgħu b’sodisfazzjon, xi ġimgħat wara li l-Kap tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, kien qal li ‘ma setgħux jaħdmu’ l-pjani tal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, rigward il-Brexit.
L-UE u r-Renju Unit issa qed jittamaw li jiffinalizzaw ‘il-ftehim tad-divorzju’ u li jkun hemm qbil dwar stqarrija għall-kooperazzjoni ekonomika futura, sas-summit ta’ Ottubru. Dan wara li Michael Barnier, in-negozjatur tal-UE għall-Brexit, kien irrefera għall-possibbiltà ‘ta’ ftehim konkret f’Novembru’ f’każ li n-naħat kollha ikunu realistiċi fit-trattativi.
//= $special ?>

