L-Arċidjoċesi ta’ Malta tat propjeta’ fil-Ħamrun sabiex jitwaqqaf Food Bank. Is-servizz se jitmexxa mill-Malta Food Bank Foundation u se jinġabar ikel żejjed sabiex jitqassam lill-għaqdiet mhux governattivi li jgħinu lil persuni foqra u dawk f’riskju ta’ faqar.
Il-propjeta’ li ngħatat għal żmien definit tinsab fil-Ħamrun maġenb il-Knisja tal-Kunċizzjoni u kienet tintuża minn Dar Fra Diegu bħala maħżen tal-ikel.
L-Arċidjoċesi se tagħmel ix-xogħolijiet strutturali filwaqt li l-Fondazzjoni se tipprovdi t-tagħmir u l-makkinarju meħtieġ sabiex jitħaddem il-Food Bank.
Il-Fondazzjoni se sservi bħala pont bejn il-kumpaniji tal-ikel li lesti joffru provvisti żejda tal-ikel u NGO’s li jgħinu lil dawk imċaħħda mid-dritt fundamentali tal-ikel.
Il-Fondazzjoni Maltija hi affiljata mal-Federazzjoni Ewropea tal-Food Banks li tipprovdi iktar minn 4 miljun ikla kuljum lil 8 miljun persuna madwar l-Ewropa permezz ta’ 44,700 għaqda ta’ karita’ fi 28 pajjiż fl-Ewropa.
L-Isqof Awżiljarju, il-Monsinjur Joseph Galea Curmi qal li dan hu proġett ieħor li permezz tiegħu, il-Knisja f’Malta qed twieġeb b’mod tanġibbli għar-realta’ tal-faqar f’pajjiżna.
Il-Ftehim kien iffirmat minn Andrew Azzopardi f’isem l-Arċidjoċesi ta’ Malta u minn Irene Schembri f’isem il-Malta Food Bank Foundation.
//= $special ?>