Roma kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva fis-Serie A wara li fi Stadio Castellani għelbu lil Empoli 2-0 biex telgħu momentarjament fit-tielet post. STEVEN NZONZI fetaħ l-iskor fis-36 minuta meta minn free-kick mill-bogħod ta’ Lorenzo Pellegrini, għola tajjeb biex għeleb lil Pietro Terracciano.
Empoli kellhom ċans li jġibu draw fit-58 minuta meta r-referee Mazzoleni ordna penalty wara li l-ballun ħabat ma’ id Cengiz Under. Iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Francesco Caputo għadda ferm għoli. Roma għalqu l-logħba fil-85 minuta b’Stephan El Shaarawy isib lil EDIN DZEKO, li avvanza, evita l-avversarji u għeleb lil Terracciano b’xutt fis-saqaf tax-xibka.
Juventus komplew bit-triq tar-rebħ meta rebħu 2-0 fid-Dacia Arena kontra Udinese, biex b’hekk rebħu t-tmien logħba fis-Serie A. Huma fetħu l-iskor fit-33 minuta meta Joao Cancelo krossja mil-lemin fil-kaxxa fejn daħal tajjeb RODRIGO BENTANCUR li għeleb lil Simone Scuffet mill-viċin. Huma rduppjaw erba’ minuti wara b’Mario Mandzukic isib lil CRISTIANO RONALDO li żmarkat fil-kaxxa għeleb lil Scuffet b’xutt b’saħħtu bix-xellug għar-rokna.
Cagliari kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat b’rebħa ta’ 2-0 kontra Bologna. It-tim minn Sardenja fetaħ l-iskor fit-22 minuta bi kross mix-xellug preċiż lejn JOAO PEDRO li għola tajjeb u skorja mill-viċin b’daqqa ta’ ras. Cagliari rduppjaw fit-68 minuta meta Lucas Castro krossja mil-lemin lejn LEONARDO PAVOLETTI li għeleb lil Lukasz Skorupski b’daqqa ta’ ras mill-kaxxa ż-żgħira.
//= $special ?>