Residenti fil-Għargħur qed jispiċċaw jiġbru qtates mejta mit-triq, hekk kif numru ta’ klieb qed jintelqu barra matul l-iljieli, filwaqt li r-residenti mhu qed isibu l-ebda għajnuna minn dawk responsabbli biex jgħinu lill-annimali.
Minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni, ir-residenti qed jispiċċaw iqattgħu l-lejl imqajmin biex igerrxu lill-klieb ifferoċjati u ta’ periklu, mhux biss għal qtates, iżda wkoll għan-nies li jiltaqgħu magħhom … kif jgħidilna wieħed mir-residenti.
Fl-aħħar jiem, diversi residenti fil-Għargħur ilmentaw fuq il-media soċjali u ma’ NET News li madwar sebat iklieb qed jitħallew jiġru barra weħidhom mingħajr ċinga u b’konsegwenza li numru ta’ qtates li jgħixu barra, qed jinqatlu minnhom.
Ir-residenti stqarrew ma’ NET News li diversi annimali diġà kienu maqtula u dan se jibqa’ jsir jekk ma titteħidx azzjoni minn dawk responsabbli. Persuna li tkellmet magħna qalet li kemm-il darba kkuntatjaw lill-Animal Welfare, iżda baqgħet ma ttieħdet l-ebda azzjoni.
B’rabja kbira, ir-residenti komplew jgħidu li membri tal-Animal Welfare marru fil-post u minkejja li ngħataw l-informazzjoni sħiħa ta’ x’ġara, baqa’ ma sar xejn.
Ir-residenti qalu li għamlu kuntatt u għażlu li jitkellmu magħna għax din kienet l-unika triq li kien baqalhom.
B’dieqa kbira, ir-residenti qalu li huma ta’ kuljum jitimgħu u jieħdu ħsieb dawn l-qtates, iżda b’dispjaċir qed jispiċċaw jerfgħu dawn il-qtates mit-triq bla ħajja biex jidfnuhom.
//= $special ?>