Lokali

Kane: it-tifel li għaqqad lir-rivali

Tama għaċ-ċkejken Kane, it-tifel ta’ tliet snin li fl-aħħar xhur il-ġenituri tiegħu skoprew li għandu tumur f’waħda mill-kliewi u fil-fwied.

Missier Kane, Ryan Debattista, tkellem ma’ NET News dwar l-esperjenza ta’ ibnu u kif bit-trattament li ngħata f’pajjiżna, Kane qaleb għall-aħjar … tant li issa jinsab l-Isptar Mater Dei, taħt osservazzjoni.

Ryan spjega li t-tifel ma kellu l-ebda sintomi ta’ tumur, iżda bdew jinnutaw li qed jaqta’ kull aptit, tant li saħansitra beda jirrifjuta anke biċċa ċikkulata … attitudni mhux normali għal tfal ta’ dik l-età.

Kane ittieħed għand Tabiba, li mill-ewwel irreferietu għall-Isptar Mater Dei. Għall-bidu ħasbu li għandu infezzjoni f’sidru, iżda minn aktar testijiet irriżulta li kellu tumur.

Fl-aħħar ġimgħat, it-tifel għadda madwar 10 t’ijiem fl-ITU tal-Isptar Mater Dei … u għal perjodu twil ta’ disat ijiem saħansitra jiġġilied għal ħajtu, bi qrabatu ma jafux x’se jiġri mill-għażiż tagħhom.

Iżda fost id-diffikultajiet, Ryan jispjega li fl-aħħar jiem, il-familja ta’ Kane sabet għajnuna finanzjarja kbira.

Fortunatament, diversi għaqdiet qed ikomplu jgħinu lil Kane u lill-familja tiegħu – fost oħrajn il-Malta Football Association, bl-inizjattiva fost dawk li jattendu għal-logħob u li se jkunu qed jagħtu €1.

L-isfidi ta’ Kane issarrfu wkoll f’għaqda fost diversi timijiet sportivi, li normalment nafuhom rivali iżda li grazzi għalih, ingħaqdu f’solidarjetà waħda ta’ appoġġ għal Kane u l-familja tiegħu.

Aktar dettalji dwar l-istorja ta’ Kane u t-triq li għaddej minnha … fil-programm Replay tal-Ħadd.