Internazzjonali

Mietet il-kantanta tal-opera, Montserrat Caballe

Il-kantanta tal-opera, Montserrat Caballe – li d-dwett tagħha ‘Barcelona’ mal-ekskantant ta’ Queen, Freddie Mercury baqa’ magħruf bħala s-sigla tal-Olimpjadi ta’ Barċellona, fl-1992 — mietet fi Spanja, fl-età ta’ 85 sena. Il-funeral tagħha se jsir nhar it-Tnejn, proprju f’Barċellona, li hi belt twelidha.

Caballe, li kienet ilha tbati bi problemi tas-saħħa, bdiet il-karriera b’kollaborazzjonijiet mal-Basel Opera u l-Bremen Opera. Imbagħad, fl-1965, hi saret famuża fuq livell internazzjonali meta kantat fir-rwol ta’ Lucrezia Borgia, fil-Carnegie Hall ta’ New York.

Tul is-snin, hi interpretat l-aktar siltiet operistiċi famużi mal-Metropolitan Opera, is-San Francisco Opera u l-Vienna State Opera — fejn dehret flimkien mal-ġganti ta’ dan il-ġeneru, fosthom Luciano Pavarotti u Placido Domingo.

Il-kanzunetta ‘Barcelona’ kienet ħarġet għall-ewwel darba fl-1987 u saret ‘l-innu’ tal-Olimpjadi tal-1992 fil-belt Katalana – proprju fis-sena wara l-mewt ta’ Freddie Mercury.