Futbol Sport

St. Andrews jagħtu t-tieni telfa konsekuttiva lil Birkirkara

ST. ANDREWS……………….. 2   BIRKIRKARA…………………. 0

St. Andrews: M. Calleja Cremona, A. Brown (L. Sciberras 79’), T. Blagrove, A. Borg, A. Satariano (K. Pulo 82’), K. Mcfarlane (K. Magro 68’), R. Martin, M. Davis, J. Farrugia, K. Atkinson, K. Reid

Birkirkara: K. Naumovski, C. Attard, D. Chapoval, E. Ferreira dos Santos, K. Zammit (U. Umeh 79’), M. Guillaumier (M. Basrak 59’), M. Andelkovic, P. Fenech, J. Grech (G. Zammit 85’), E. De Souza Thiago, M. Mifsud

Imwissija: K. Atkinson 5’, M. Davis 66’, K. McFarlane 68’, R. Martin 88’ (S), D. Chapoval 45’ (B)

Skorja: M. Davis 56’, 92’ (S)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Mitchell Scerri

Il-Mument Plejer tal-logħba: Joseph Farrugia (St. Andrews)

Attendenza: 632

Birkirkara sofrew it-tieni telfa konsekuttiva meta sfaw megħluba minn St. Andrews 2-0, li rritornaw għar-rebħ wara erba’ telfiet konsekuttivi. Il-prestazzjoni tal-Karkariżi kienet fqira fejn deher in-nuqqas tagħhom fl-attakk.

Fl-ewwel taqsima Birkirkara kienu ftit aħjar mill-avversarji iżda naqsu li jkunu perikolużi. L-unika azzjoni denja tal-ewwel 45 minuta kienet kważi poġġiet lil Birkirkara minn fuq. Kien fis-36 minuta meta Thiago De Souza krossja mix-xellug lejn Michael Mifsud li kkontrolla u għeleb lil Matthew Calleja Cremona mill-viċin, iżda l-gowl kien imħassar wara li kien ġudikat li Mifsud ikkontrolla l-ballun b’idu.

Birkirkara fetħu t-tieni taqsima fuq l-attakk u fid-49 minuta kellu jkun Matthew Calleja Cremona li dawwar f’korner b’mod stupend free-kick insidjuż ta’ Jake Grech. Mill-istess korner, Danilo Chapoval laqat il-mimduda bir-ras.

Kontra x-xejra tal-logħob, St. Andrews fetħu l-iskor fis-56 minuta meta MARTIN DAVIS għadda tajjeb mil-lemin, għamel spazju għalih u għeleb lil Kristijan Naumovski b’xutt djagonali fil-baxx.

Il-kowċ Karkariż Paul Zammit għamel xi bidliet biex ikun aktar offensiv. Iżda minkejja s-superjorità territorjali kellhom ikunu l-aħħar minuti biex Birkirkara jheddu serjament il-lasta, b’xutt ta’ Jake Grech fit-80 minuta li kien ċentrali u salvat minn Calleja Cremona.

St. Andrews marru qrib li jirduppjaw fis-86 minuta b’xutt ta’ Kevaughn Atkinson li kien blokkat minn Naumovski. Birkirkara laqtu l-lasta għat-tieni darba fid-90 minuta b’xutt mill-viċin tad-difensur Danilo Chapoval li ħabat mal-mimduda.

St. Andrews għalqu l-logħba fit-92 minuta meta kross mix-xellug kien blokkat parzjalment, u spiċċa fid-direzzjoni ta’ MARTIN DAVIS li għeleb lil Naumovski b’xutt minn tarf il-kaxxa ż-żgħira.