Futbol Sport

Tispikka r-rimonta ta’ Manchester United bi tliet gowls f’20 minuta

(Ritratt: EPA)
Jintlagħbu sitt partiti mill-Premier League Ingliż

Manchester United taw l-aħjar risposta lill-kritiċi meta, f’Old Trafford,  irnexxielhom idawwru żvantaġġ ta’ żewġ gowls ma’ Newcastle United fi spazju ta’ ftit minuti —  u fejn is-sostitut, Alexis Sanchez, kien fil-post eżatt biex jagħtihom rebħa mistħoqqa fl-aħħar nifs.

Ir-riżultat, 3-2, jidher li salva, għalissa, il-pożizzjoni tal-manager, Jose Mourinho. Dan għaliex qabel il-logħba kienu żdiedu l-għajdut u r-rapporti fl-istampa li l-bord tad-diretturi ta’ United kien qed jaħseb biex ikeċċi lill-Portugiż wara sensiela ta’ riżultati deludenti għar-Red Devils fil-kampjonat domestiku kif ukoll fl-Ewropa.

U s-sħab iswed komplew jiżdiedu meta – wara biss ħdax il-minuta — United sabu ruħhom 0-2 minn taħt kontra tim li qed jaqsam l-aħħar post tal-Premiership u li għadu qed jistenna l-ewwel rebħa mill-bidu tal-istaġun. Id-difiża tar-Red Devils ma kienet imkien meta Kenedy sab ix-xibka għall-ewwel gowl ta’ Newcastle wara biss seba’ minuti, b’Yoshinori Muto jirdoppja, erba’ minuti wara, meta approfitta mill-indeċiżjoni ta’ Young u Smalling.

United ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda dehru xi ftit konfużi fl-attakki u kien biss wara l-mistrieħ li huma fetħu assedju kontinwu fuq il-lasta ta’ Martin Dubravka. Mourinho daħħal tliet sostituti – Juan Mata, Marouane Fellaini u Alexis Sanchez – bil-għan li jsalva r-riżultat u t-tim mal-ewwel deher li ħa spinta, waqt li l-Geordies ikunu kostretti li jiddefendu għal ħinijiet twal.

Ir-rimonta ta’ United bdiet fis-70 minuta meta Mata spara ġewwa minn freekick u sitt minuti wara, Anthony Martial – li kien l-aħjar plejer tar-Red Devils – għamilhom 2-2 fuq xogħol tajjeb ta’ Pogba. United baqgħu ġejjin u kienu premjati fid-90 minuta meta Sanchez daħal għall-cross insidjuż ta’ Young u mill-ġdid għeleb lil Dubravka bir-ras, għall-gowl rebbieħ.

Tottenham Hotspur telgħu fit-tielet post tal-Premier League wara rebħa f’darhom, 1-0, fuq Cardiff City u fejn huma kellhom jitħabtu aktar milli stennew kontra tim li spiċċa l-logħba b’għaxar plejers. L-uniku gowl tal-logħba wasal minn Eric Dier wara tmien minuti, bil-midfielder internazzjonali Ingliż ma jiżbaljax mill-viċin fuq azzjoni ta’ korner. Intant, Cardiff kellhom jilgħabu l-parti kbira tat-tieni taqsima b’għaxar plejers wara li tkeċċielhom Joe Ralls fil-58 minuta – bil-Bluebirds, fil-preżent, jinsabu l-aħħar ( ma’ Newcastle) fil-klassifika mingħajr rebħa waħda mill-bidu tal-kampjonat.

Gylfi Sigurdsson skorja wieħed mill-isbaħ gowls tal-istaġun biex jagħti t-tliet punti lil Everton għall-ispejjeż ta’ Leicester City, fil-King Power Stadium. Il-midfielder Iżlandiż, fis-77 minuta, qabeż lil Maddison b’finta u ttanta xortih b’xutt qawwi minn barra l-kaxxa, bil-ballun jispiċċa fir-rokna tax-xibka. Il-gowl wasal wara li l-captain ta’ Leicester, Wes Morgan, kien intwera l-ħamra għal fawl fuq Richarlison u meta kien l-istess Richarlison li fetaħ l-iskor għat-Toffees wara seba’ minuti — b’Ricardo Periera jikseb id-draw momentarju għal Leicester, qabel il-mistrieħ.

Burnley u Huddersfield Town ħadu punt kull wieħed minn logħba missielta  f’Turf Moor u għal riżultat li jaqla’ lit-Terriers mill-aħħar post tal-klassifika. Il-Clarets kienu marru minn fuq wara 20 minuta meta Sam Vokes sab ix-xibka bir-ras għat-tieni gowl personali f’żewġ logħbiet konsekuttivi. Iżda Huddersfield baqgħu jemmnu li jsalvaw xi ħaġa u fit-tieni taqsima, id-difensur Ġermaniż, Christopher Schindler, dawwar għal ġewwa il-cross ta’ Lowe għall-1-1 finali.

Gowl fis-56 minuta minn Matt Doherty kien biżżejjed għal Wolves biex joħorġu bit-tliet punti minn Selhurst Park wara logħba diffiċli ma’ Crystal Palace. Intant, l-Eagles tilfu diversi ċansijiet quddiem il-lasta avversarja, u fejn il-gowlkiper ta’ Wolves, Patricio, wettaq save doppju ‘kważi impossibbli’ fuq il-volley ta’ Max Meyer, sekondi qabel ċaħad lil Zaha li kien qed isegwi l-istess azzjoni. Il-gowl deċiżiv wasal meta Raul Jimenez żmarka lil Doherty, bid-difensur jirnexxielu jegħleb lill-gowlkiper Hennessey b’xutt preċiż minn angolu diffiċli għall-uniku gowl tal-logħba.

Bournemouth komplew juru forma impressjonanti fejn umiljaw kompletament lil Watford, 4-0, f’Vicarage Road, u meta ċ-Cherries, issa, jinsabu l-ħames fil-klassifika. David Brooks, li kien skorja wkoll nhar it-Tnejn fir-rebħa taċ-Cherries fuq Crystal Palace, għamilhom 1-0 wara 14 il-minuta, qabel Joshua King irdoppja minn penalty għall-fawl ta’ Christian Kabasele fuq l-istess plejer. Kabasele spiċċa muri l-ħamra għal dan il-fawl u Bournemouth ma ħarsux lura, b’King iżid gowl ieħor qabel il-mistrieħ u b’Callum Wilson jgħaqqad il-poker għaċ-Cherries kmieni fit-tieni taqsima. Din kienet l-akbar rebħa għal Bournemouth barra minn darhom fil-Premier League, bir-riżultat ikun wieħed diżastruż għal Watford li kienu qed jilagħbu l-100 logħba fl-ogħla kampjonat quddiem il-pubbliku tagħhom.