Lokali

Tliet snin ħabs għall-qtil involontarju ta’ ċiklist fl-2009

Anthony Taliana, is-sewwieq li tajjar ċiklist fil-Coast Road fl-2009 kien ikkundannat għal tliet snin ħabs wara li nstab ħati ta’ qtil involontarju.

L-inċident seħħ fit-30 ta’ Lulju kmieni filgħodu għall-ħabta tal-5.15 a.m. meta Taliana, li dak iż-żmien kellu 21 sena, kien fi triqtu lejn Buġibba flimkien ma’ tfajla Ingliża wara lejla f’Paceville. Meta wasal qrib il-kumpless White Rocks, il-karozza Opel Astra baqgħet dieħla fiċ-ċiklist Clifford Micallef li nqatel mad-daqqa.

Minkejja dan, Taliana baqa’ sejjer u wassal lit-tfajla Buġibba u mbagħad daħħal il-karozza tiegħu fil-garaxx ta’ missieru fil-Ħamrun. Kien hawnhekk li l-Pulizija kienet sabet il-vettura li kienet irreġistrata f’isem il-missier. Għall-ewwel il-missier ipprova jassumi r-responsabbilta’ tal-inċident iżda l-Pulizija ma kienux konvinti bil-verżjoni li kien ta.

Clifford Micallef, missier ta’ tliet itfal, kellu 45 sena meta tilef ħajtu.

Anthony Taliana kien akkużat bi qtil involontarju, saq vettura meta kien xurban, sewqan mingħajr polza tal-assigurazzjoni,  sewqan perikoluż u li kien reċidiv minn każ ieħor fejn kien instab li kien qed isuq b’mod perikoluż.

L-esperti tal-Qorti kienu kkonkludew li t-toroq kienu niexfin u f’kundizzjoni tajba fil-ħin tal-inċident u stmaw li Taliana kienet qed isuq b’veloċita’ ta’ iktar minn 90km/s meta laqat lil Clifford Micallef.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, sabet lill-akkużat ħati tal-qtil involontarju iżda ma setgħetx issibu ħati ta’ sewqan fi stat xurban minħabba deċiżjoni separata tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-kalkoli li saru mill-espert. Dan il-każ Kostituzzjonali, li kien deċiż fl-2015, kien wassal għad-dewmien f’dan il-każ. Raġuni oħra għad-dewmien kienet li d-Difiża temmet il-provi tagħha f’Diċembru tas-sena li għaddiet.

Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija, Anthony Taliana kellu l-liċenzja sospiża għal sena.