Valletta temmew l-impenji tagħhom fir-Rawnd Prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League b’telfa ta’ 5-0 kontra ċ-champions Litwani FK Vytis. B’hekk temmew din l-esperjenza Ewropa b’punt minn dan il-grupp kontra ċ-champions tas-Slovakkja, tal-Ażerbajġan u tal-Litwanja.
Għal Valletta din kienet it-tielet logħba f’erbat ijiem, fejn f’din il-logħba nħasset ukoll xi ftit għajja minn plejers li lagħbu ħafna mit-tliet logħbiet.
FK Vytis marru minn fuq wara biss 18-il sekonda b’konklużjoni fil-baxx ta’ Guesinho Genigle li biha għeleb lil Tornike Bukia, wara li rċieva minn pożizzjoni ċentrali. Jurij Jeremejev irdoppja fir-raba’ minuta bi free-kick b’saħħtu li ma tax ċans lil Bukia.
Iċ-champions Litwani għamlu l-iskor 3-0 fid-29 minuta meta Arsenij Buinickij deher jitlef il-bilanċ wara kuntatt ma’ Jovica Milijic, bl-istess plejer jiskorja b’xutt b’saħħtu fin-naħa ta’ fuq tax-xibka. Fl-aħħar minuti, l-kowċ Xavier Saliba għażel li jilgħab bil-flying keeper bit-tama li jnaqqas id-distakk, iżda kienu Vytis li skorjaw ir-raba’ gowl fis-37 minuta, meta minn żball ta’ Shota Chanukvadze, Japa skorja mid-distanza f’lasta vojta.
Il-Litwani ssiġillaw ir-rebħa 36 sekonda mit-tmiem b’xutt mill-bogħod ta’ Justinas Zagurskas, wara azzjoni oħra li fiha Valletta kienu qed jilagħbu bil-flying keeper.
//= $special ?>