Il-poplu tar-Rumanija qed jiddeċiedi – permezz ta’ vot – dwar jekk il-familja għandhiex tibbaża esklussivament fuq il-kunċett ta’ mara u raġel miżżewwġin. Dan meta s-sostenituri tar-referendum qed jirreferu għall-vot– imqassam fuq jumejn u li jesiġi bidla fil-kliem tal-kostituzzjoni — bħala mezz ‘li jipproteġi l-istatus tal-familja tradizzjonali’.
Il-votazzjoni tagħlaq għada bil-lejl, bir-riżultati preliminari tal-vot mistennija għas-sigħat sussegwenti.
Sadanittant, l-avversarji tar-referendum qed iwissu li r-riżultat tal-vot jista’ jaffettwa b’mod ħażin lill-koppji tal-istess sess; lill-familji b’ġenitur wieħed u anki lit-tfal.
Fl-istess ħin, ma naqsux l-akkużi li l-votazzjoni qed isservi bħala ‘pantomima’ bil-għan li tonqos l-attenzjoni tal-poplu fuq każ ta’ korruzzjoni li tinvolvi lill-Kap tal-Partit PSD (Soċjal Demokratiku) fil-Gvern, Liviu Dragnea. Fil-fatt, Dragnea, nhar it-Tnejn, se jappella kontra sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs dwar il-każ partikulari u l-kritiċi jemmnu li d-dehra tiegħu fil-qorti l-għada tal-vot mhix qed issir b’sempliċi koinċidenza.
Ir-Rumanija ma tirrikonoxxix żwieġ bejn l-omosesswali jew l-unjoni ċivili, u r-referendum attwali ma jibdilx dan. Fil-fatt l-iskop wara l-vot hu biex ‘jiċċara l-kliem speċifiku fil-kostituzzjoni’, u meta vot ‘iva’ għandu jibdel il-kliem għal ‘żwieġ bejn raġel u mara’.
Mihai Gheorghiu, il-President tal-Koalizzjoni tal-Familja li hi favur dan ir-referendum, spjega li ‘hu u s-sostenituri l-oħra jridu jipproteġu d-definizzjoni taż-żwieġ fuq livell Kostituzzjonali’. Gheorghiu, li hu eks Ministru tal-Gvern, qed jinsisti wkoll li ‘mhumiex se jmorru ħażin il-koppji tal-istess sess’ u li ‘mhu se jkun hemm l-ebda bidla b’rispett għad-drittijiet u l-ħteġiet tal-komunità LGBT fir-Rumanija’.
Il-Knisja Ortodossa fir-Rumanija hi favur il-kampanja għad-definizzjoni tal-kunċett tal-familja. Iżda waqt li l-maġġoranza tal-votanti mistennija jivvutaw ‘iva’, l-istrateġija tal-attivisti wara l-kampanja ‘Le’ hi għal bojkott tal-vot. Dan meta huma jittamaw li l-konkorrenza ta’ votanti tkun anqas mit-30 fil-mija meħtieġa biex ir-referendum ikun validu.
//= $special ?>

