Internazzjonali

Ġurnalista investigattiva maqtula fil-Bulgarija

Viktoria Marinova tinstab mejta f' Ruse

Viktoria Marinova, ġurnalista investigattiva tal-istazzjon televiżiv nazzjonali Bulgaru, TVN, instabet bla ħajja Sibt ġo ġnien pubbliku f’Ruse, belt fit-tramuntana tal-Bulgarija, biswit ix-Xmara Danubju.

Il-motiv wara l-qtil tal-ġurnalista ta’ 30 sena għadu mhux magħruf u l-Pulizija fil-Bulgarija għaddejja bl-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan it-tielet qtil fl-Unjoni Ewropea f’inqas minn sena mill-qtil tal-ġurnalista Maltija, Daphne Caruana Galizia. Apparti l-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil, l-investigazzjonijiet qed iħarsu ukoll lejn il-ħajja personali u professjonali.

Il-prosektur reġjonali ta’ Ruse, Georgy Georgiev, qal li Marinova instabet b’feriti f’rasha u fgata fl-attakk fatali. Kemm il-mobajl, iċ-ċwievet tal-karrozza, in-nuċċali u uħud mill-ħwejjeġ instabu nieqsa.

Wieħed mill-aħħar xogħlijiet tal-ġurnalista Bulgara kienet l-intervista li għamlet lil żewġ ġurnalisti Bulgari oħra, Attila Biro u Dimitar Stoyanov, li kienu arrestati f’Settembru waqt li kienu jindagaw fuq każ ta’ frodi dwar użu ħażin ta’ fondi Ewropej.

Il-qtil ġab il-kundanna internazzjonali fosthom tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li fi tweet qal li l-libertà tal-espressjoni fl-Ewropa tinsab mheddha serjament minn dawk li jridu jsikktu l-verità. Issa, aktar minn qatt qabel, għandha ssir ġustizzja.

Skont Reporters with Borders, il-Bulgarija hija kkunsidrata l-agħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea b’rabta mal-libertà tal-istampa.