“Din il-ġimgħa l-għalliema għamlu xogħlhom, tawna tagħlima waħda. Lill-bully trid tieqaflu, lil dan il-Gvern mhux tibża’ minnu iżda meta jkun qed jagħmel il-ħażin, triq tieqaflu bil-qawwa kollha u ma nibżgħux.”
Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Clyde Puli, fl-attività politika tal-Ħadd filgħodu f’Raħal il-Ġdid.
Għall-problemi ta’ pjanar fis-settur edukattiv, Clyde Puli qal li l-Gvern prova jweħħel f’kulħadd, fosthom l-għalliema u l-operaturi tat-trasport, barra fih innifsu. B’rabta mal-każ tal-liġi l-ġdida tal-edukazzjoni, il-Gvern kien kostrett jelimina għal kollox is-sezzjoni tal-warrants fost l-oħrajn għaliex l-għalliema kellhom il-kurraġġ jieqfu lill-Gvern wara li l-Gvern stess ma għamilx konsultazzjoni ġenwina u prova jgħaddi romblu fuq l-għalliema u l-MUT. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li l-Ministru Evarist Bartolo ġie fi kliemu stess, li f’dan il-pajjiż għandna liġi għall-Allat u għall-annimali.
Dan meta suppost l-MUT kienet qed tiċċelebra l-Jum Dinji tal-Għalliema iżda din ma kelliex moħħ għax il-professjoni kienet taħt assedju mill-Gvern, kompli jgħid Clyde Puli. Flok bena fuq it-tajjeb, Gvern Laburista beda jħott il-professjoni tal-għalliema. Bil-liġijiet il-ġodda, il-Gvern ried jagħmel il-warrant temporanju, bil-kriterji biex dan jingħata ġew imċajpra u fejn ikun hemm kriterji mċajprin, jidħol l-abbuż.
Is-Segretarju Ġenerali tkellem ukoll fuq il-bidu ta’ sena skolastika ġdida, li kompliet tesponi n-nuqqas kbir ta’ pjanar fit-tul tal-Gvern fis-settur edukattiv, qal is-Segretarju Ġenerali, għaliex saret tipika li ma’ Settembru jipposponi l-proġetti l-ġodda. Fost l-oħrajn, l-Iskalin suppost żanżnu Skola Primarja ġdida iżda mhix lesta u l-istudenti ta’ San Pawl il-Baħar għadhom bla skola ġdida għaliex għadha fuq il-pjanta. Saħansitra t-tfal Ta’ Sannat kellhom jagħżlu bejn it-trasport jew il-kolazzjoni b’xejn. Dan biex ma nsemmux in-nuqqasijiet fis-servizz tat-trasport b’xejn għall-istudenti, bi 800 student mingħajr trasport b’xejn, eluf oħra mingħajr superviżjoni adulta abbord u b’oħrajn li tħallew l-art jew waslu kmieni jew tard l-iskola.
//= $special ?>