Il-Gvern Laburista herra l-istituzzjonijiet li jagħmlu demokrazija libera tal-Punent. Il-Gvern ħataf l-istituzzjonijiet kollha u qed jiddeċiedu kollox l-istess tnejn min-nies. Dan inawwar id-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin u s-sistema ta’ demokrazija libera. Il-Partit Nazzjonalista se jkun fuq quddiem biex jiddefendihom.
Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia f’laqgħa ta’ djalogu li saret dalgħodu f’Raħal Ġdid.
Adrian Delia ffoka fuq ħames eżempji ta’ dan l-aħħar tal-ħtif tal-istituzzjonijiet mill-Gvern.
L-Avukat Ġenerali qed jaġevola biss lill-Gvern għax maħtuf mill-Gvern, qal Adrian Delia, flok l-Avukat Ġenerali jiddefendi d-drittijiet tal-Maltin. L-ogħla Qorti, il-Qorti tal-Appell Kostituzzjonali, f’sentenza importanti ħafna nhar il-Ġimgħa ddikjarat li l-Gvern qed iwaqqa’ isem Malta meta ħalla r-raġel ta’ Ministru jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din hi ħaġa li ma ssir imkien f’pajjiżi normali. Imma lir-raġel tal-Ministru ma waqqfu ħadd u l-ebda istituzzjoni ma ħadmet ħlief il-Qrati; la l-Kummissarju tal-Pulizija, la l-Ministru tal-Ġustizzja u lanqas il-Prim Ministru stess. U flok l-Avukat Ġenerali pproteġa liċ-ċittadini, lis-sewwa, lill-ġustizzja, lid-demokrazija u lil-libertà, baqa’ jappella u jinsisti fuq it-tinwir tal-ġustizzja.
Issa, il-Gvern li jonfoq il-miljuni fil-propoganda, minn nhar il-Ġimgħa għadu ma għamilx konferenza stampa biex jgħid x’se jagħmel wara kundanna daqshekk qawwija mill-Qorti tal-Appell Kostituzzjonali. Din hi l-ogħla Qorti, preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, u li minnha ma jista’ jappella mkien ieħor, qal Adrian Delia.
Mhux ta’ b’xejn li l-Ministru tal-Finanzi qed jammetti li kull fejn imur fid-dinja jgħidulu kemm hawn Gvern korrott f’Malta, qal Adrian Delia. F’Lulju l-Awtorità Bankarja Ewropea ċanfret lill-Gvern u wriet kif l-istituzzjonijiet li suppost jiddefenduna mill-ħasil tal-flus huma mnawrin. Imma Edward Scicluna m’għamel xejn u issa laqqat opinjoni formali mill-Kummissjoni Ewropea, l-ewwel ministru fl-Ewropa li qala’ ċanfira bħal din. U min qed isofri minn dan? staqsa Adrian Delia. Il-pajjiż, l-industrija tas-servizzi finanzjarji, il-professjonisti tagħha u l-ħaddiema fiha li qed jaraw ir-reputazzjoni tagħhom tgħib wara wara li nbniet b’tant għaqal mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li eżempju ieħor tal-ħtif tal-istituzzjonijiet u kollox deċiż mill-istess tnejn min-nies hu sentenza oħra importanti tal-Qorti tal-Appell f’każ ieħor, din id-darba dwar il-kuntratt taċ-ċentru tas-saħħa f’Raħal Ġdid. Il-Qorti tal-Appell anke hawn ikkundannat lill-Gvern għall-bordijiet inkompetenti li qed jaħtar fl-għoti ta’ kuntratti ta’ miljuni kbar ta’ ewro. Issa l-pazjenti jridu jistennew u jbatu minħabba t-tgħaffiġ tal-Gvern.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma wkoll il-kwistjoni tal-jet privat għas-somma ta’ 8,750 ewro għal persuna waħda fl-Awtorità tal-Ippjanar għal vjaġġ ta’ 25 minuta meta f’Malta ma tasal imkien f’25 minuta. Hu qal li din it-tgħaffiġa turi li anke fl-Awtorità tal-Ippjanar m’hemm indipendenza ta’ xejn u jiddeċiedi kollox il-Gvern bla ma ċ-Chairman jerfa’ l-iċken responsabbiltà.
Adrian Delia spjega wkoll kif, minkejja l-irtirata umiljanti tal-Gvern, l-għalliema jafu li l-Gvern ried ineħħilhom il-warrant permezz ta’ bordijiet taparsi indipendenti imma li kienu se jkunu mimlijin b’nies maħturin mill-Gvern stess. Il-Gvern ried lill-kapijiet tal-iskejjel jerfgħu r-responsabbiltà għal dak li huma ma jikkontrollawx imma l-Gvern stess ma jerfax ir-responsabbiltà għad-deċiżjonijiet li qed jeħduhom kollha l-istess tnejn min-nies.
Adrian Delia fisser kif dawn l-eżempji kollha juru li f’pajjiżna, flok poter imxerred f’idejn istituzzjonijiet serji u indipendenti ħalli l-Gvern ma jabbużax mill-poter, spiċċajna l-kontra u l-istess tnejn min-nies qed jiddeċiedu kollox huma.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern m’għandux pjan fit-tul u ma jimpurtahx mid-dgħajfin u mill-futur; jimpurtah biss li jaħtaf l-istituzzjonijiet kollha kif juru dawn l-eżempji.
Hu qal li l-Partit Nazzjonalista se jkun fuq quddiem jiddefendi lis-soċjetà tagħna li trid tkun soċjetà li jimpurtaha mill-għalliema, mill-istudenti, mill-kuntratti pubbliċi, mill-istituzzjonijiet, mill-ġustizzja, mil-libertà u mid-demokrazija li tfisser difiża mill-abbuż tal-poter.
//= $special ?>