Futbol Sport

Norman Darmanin Demajo l-mistieden fl-ewwel programm Replay tal-lejla

Il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo se jkun l-ewwel mistieden fl-iskeda l-ġdida ta’ Replay fuq Net Television. Il-programm, li jibda llejla fl-9.45pm, se jerġa’ jkollu preżentazzjoni ta’ Christian Micallef u Doriana Portelli filwaqt li Konrad Sultana hu l-mistieden residenti tal-programm.

Din se tkun id-19-il sena ta’ Replay fuq it-televiżjoni u f’dawn l-aħħar snin, sena wara l-oħra l-programm dejjem tejjeb il-kontenut tiegħu biex żamm postu bħala l-għażla naturali u popolari tad-dilettanti tal-futbol lokali.

Dan l-istaġun Replay se jkun qed jintroduċi rokna ġdida fil-programm li mistennija tkun popolari, ‘Replay Drive’ fejn kull ġimgħa Christian Micallef se jkun qed ikollu mistieden fil-karozza tiegħu li hu personalitá mill-futbol lokali. L-ewwel mistieden f’din ir-rokna sponsorjata minn Continental Cars se jkun il-plejer internazzjonali Malti, Clayton Failla.

Fil-programm tal-lejla se jkun hemm ukoll il-gowls kollha ta’ tmiem il-ġimgħa, ħarsa lejn il-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni b’filmati ta’ Paul Spiteri, kif ukoll l-aħħar stejjer riċerkati u mistennija mir-rokna popolari ‘Rajna u Smajna’. F’Replay ta’ din l-iskeda l-ġdida se tibda tingħata importanza akbar u ta’ kull ġimgħa lill-futbol internazzjonali. Replay tal-lejla jibda fl-9.45pm fuq Net TV.

Tags