Lokali

Sewwieq ta’ mutur iweġġa’ gravi fi Triq il-Kosta

Raġel ta’ 45 sena minn Bormla weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku li seħħ kmieni l-Ħadd filgħodu f’Baħar iċ-Ċagħaq.

NET News jinsab informat li l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9 ta’ filgħodu fi Triq il-Kosta meta għal xi raġuni, raġel tilef il-kontroll tal-mutur, tat-tip Kawasaki, u waqa’ waqt li kien fi triqtu lejn is-Swieqi.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard ġie ċċertifikat li kien qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.