L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Immigrazzjoni (IOM) qalet, f’rapport, li ‘il fuq minn 669,000 immigrant illegali ta’ nazzjonalità diversa jinsabu, bħalissa, fil-Libja.
Intant, kelliema għall-IOM spjegaw li f’Lulju u Awwissu li għadda, l-organizzazzjoni tagħhom kienet identifikat talanqas 669,176 immigrant fl-artijiet Libjani.
Skont l-IOM ‘l-immigranti kienu identifikati f’100 muniċipalità, fi ħdan 554 komunitajiet, u meta dawn ( l-immigranti) joriġinaw minn aktar minn 41 pajjiż’.
L-IOM kompliet li l-immigranti fil-Libja ġejjin, fil-parti kbira, min-Niġer, l-Eġittu, Chad, is-Sudan u n-Niġerja.
Dan meta tnax fil-mija mit-total ta’ dawn l-immigranti illegali huma nisa, u b’disa’ fil-mija oħra jkunu tfal.
Ir-rapport sostna li 60 fil-mija tal-immigranti Afrikani u Asjatiċi kienu identifikati fiz-zoni tal-Punent tal-Libja, bl-akbar konċentrazzjoni ta’ immigranti tkun indikata fil-kapitali Libjana, Tripli, u l-madwar.
Immigranti oħrajn, imbagħad, kienu identifikati f’inħawi ‘bejn il-Lvant u n-nofsinar tal-Libja’, meta n-nofsinar Libjan sar ‘residenza għal xi 20 fil-mija tal-immigranti Afrikani li ġew identifikati’.
Fl-istess ħin, kienu identifikati biss ftit immigranti mill-Asja u l-Lvant Nofsani fiz-zoni Libjani tan-nofsinar.
Fi tmiem il-ġimgħa, il-Kummissjoni Għolja għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) qalet li l-gwardjani tal-kosta tal-Libja salvaw madwar 14,000 immigrant waqt 104 missjoni, mill-bidu tal-2018.Il-UNHCR qalet ukoll li hemm madwar 8,000 immigrant fi tmintax il-ċentru tad-detenzjoni fi Tripli.
//= $special ?>

