Iż-żagħżugħa Francesca Curmi għamlet id-debutt tagħha fit-tielet edizzjoni tal-Olimpjadi taż-Żgħażagħ fl-Arġentina meta sfat megħluba mis-sid numru sebgħa fil-kompetizzjoni Clara Burel ta’ Franza.
Fil-logħba li ntlagħbet fil-Buenos Aires Lawn Tennis Club, Burel rebħet l-ewwel set 7-5 f’55 minuta wara. Francesca Curmi kellha bidu ħażin tant li kienet 5-1 minn taħt, iżda daħlet fil-logħba u għamlet l-iskor 5-5, bil-Franċiża tirbaħ xorta s-set.
Iż-żagħżugħa Maltija ta’ 16-il sena wettqet reazzjoni fit-tieni set tant li minn żvantaġġ ta’ 3-2, marret 4-3 minn fuq. Madankollu kienet Burel li ddominat il-bqija tas-set u rebħet 6-4 biex għaddiet għat-tieni rawnd u għelbet lil Curmi f’siegħa u 45 minuta.
Ilbieraħ, Francesca Curmi kienet fl-azzjoni fl-ewwel rawnd tad-doubles tan-nisa flimkien ma’ Eleonora Molinaro tal-Lussemburgu. Huma tilfu kontra Clara Burel u Diane Parry ta’ Franza 4-6, 6-3, 10-5.
Francesca Curmi terġa’ tkun fl-azzjoni għada fil-mixed doubles flimkien mal-Arġentin Facundo Diaz Acosta kontra Joanna Garland u Chun Hsin Tseng. Għada wkoll jagħmel id-debutt l-għawwiem Rudi Spiteri fil-heats tal-40 metru freestyle.
//= $special ?>