L-eks captain ta’ Chelsea u tat-tim nazzjonali Ingliż John Terry ħabbar li rtira mill-futbol, biex b’hekk il-plejer ta’ 37 sena ħalla lil Aston Villa dan is-sajf wara karriera ta’ 23 sena. Fil-karriera tiegħu, hu rebaħ ħames darbiet il-Premier League, erba’ darbiet l-FA Cup, Champions League, Europa League u tliet darbiet il-League Cup ma’ Chelsea.
F’kitba fuq Instagram, Terry semma b’mod speċjali l-familja u l-ħbieb tiegħu għas-sapport kbir matul iż-żmien li għamel jilgħab. “Wara 23 sena nilgħab, iddeċidejt li issa hu ż-żmien it-tajjeb li nirtira. Ta’ 14-il sena, għamilt l-akbar u l-aqwa deċiżjoni; li niffirma ma’ Chelsea. Il-kliem qatt ma huma biżżejjed biex nuri kemm il-klabb ifisser għalija, speċjalment il-partitarji.”
Hu żied li għalih il-partitarji ta’ Chelsea huma l-aqwa partitarji fid-dinja. Hu qal li jittama li għamilhom kburin jilbes il-flokk tal-klabb kif ukoll il-faxxa ta’ captain. “Irrid nirringrazzja lil sħabi, il-kowċis, il-managers u l-istaff li kont onorat li naħdem magħhom u nitgħallem minnhom.”
Terry kompla li dawn in-nies mexxewh biex jilgħab 717-il logħba mal-klabb li jħobb u sostna li kien ta’ privileġġ li jservi lilhom bħala captain. Hu għalaq il-messaġġ tiegħu fejn qal li qed iħares lejn il-kapitlu li jmiss f’ħajtu u l-isfidi li għandu f’moħħu.
Wara li ngħaqad magħhom ta’ 14-il sena, John Terry sar l-aktar captain ta’ suċċess tal-klabb minn Londra, filwaqt li lagħab 78 darba mat-tim nazzjonali Ingliż. Fl-2017 hu ħalla lil Chelsea biex ingħaqad ma’ Aston Villa b’kuntratt ta’ sena, fejn wasal qrib biex jgħin it-tim ikun promoss fil-Premier League.
F’dan is-sajf hu kien qrib li jingħaqad ma’ Spartak Moscow fir-Russja iżda rrifjuta t-trasferiment minħabba raġunijiet familjari. Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li Terry jista’ jsir l-assistent ta’ Thierry Henry, jekk il-Franċiż ikun is-suċċessur ta’ Steve Bruce ma’ Aston Villa.
//= $special ?>