Knisja Lokali

Konservazzjoni estensiva għall-Kurċifiss mirakoluz tal-Knisja ta’ Ġieżu

Il-Kurċifiss mirakoluż tas-17-il seklu li jinsab fil-Knisja tal-Franġiskani ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, magħrufa aħjar bħala Ta’ Ġieżu, se ssirlu konservazzjoni estensiva mill-Konsorzju għall-Konservazzjoni tal-Arti bl-appoġġ tal-Bank of Valletta.

Ix-xogħol tal-arti fuq is-salib huwa minqux b’tali mod li juri l-konsegwenzi tad-daqqiet li l-ġisem ta’ Ġesù Kristu sofra matul l-esperjenza trawmatika tiegħu. Il-leġġenda tgħid li l-artist qam darba filgħodu u sab ir-ras tal-istatwa lesta, u dan jagħmilha eċċezzjonali u unika.

Dwar dan ix-xogħol tkellimna ma’ Charles Vella, qassis li se jkun ir-restawratur ewlieni tal-proġett.

Il-proġett jinvolvi wkoll sfida storika, hekk kif hemm verżjonijiet kuntrastanti dwar min ħoloq dan is-salib. Għal dan l-għan Christian Attard se jkun qed jaqdi rwol ta’ Project Leader imma wkoll riċerkatur storiku.

Il-kurċifiss jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Arċkonfraternità tal-Kurċifiss Mirakoluż, fraternità bl-għan waħdieni li tiffoka fuq it-tixrid tad-devozzjoni lejn dan il-kurċifiss.

L-Arċkonfraternità twaqqfet fl-1646 u bi kburija kellha lill-Gran Mastru Manuel Pinto de Fonseca bħala wieħed mir-retturi tagħha matul nofs is-seklu 18. Dwar dan, tkellimna mat-teżorier Keith Scicluna.

Il-bżonn ta’ din il-konservazzjoni nibet wara stedina biex dan is-salib jittella’ f’Għawdex, iżda qabel dan l-iskariġġ sar studju li wera l-bżonn ta’ intervent biex ma tkomplix issir ħsara.

Il-maġġor parti tar-restawr se ssir fil-Knisja ta’ Ġieżu stess, fi studio temporanju li ntrama apposta, u kemm jista’ jkun l-interventi se jsiru waqt li s-salib ikun wieqaf, u mhux mimdud, minħabba l-fraġilità tal-parti ta’ fuq tal-figura ta’ Ġesu’.