Internazzjonali

Kundanna kbira għall-qtil tal-ġurnalista fil-Bulgarija

Kien hemm kundanna kbira internazzjonali għall-qtil brutali tal-ġurnalista investigata Bulgara Viktoria Marinova. Hi nstabet mejta fi tmiem il-ġimgħa f’Ruse, qrib il-fruntiera mar-Rumanija.

Marinova kellha 30 sena u kienet ġurnalista ma’ stazzjon tat-televiżjoni Bulgaru.

Il-Pulizija Bulgara qalet li għalissa ma setgħetx tgħid jekk il-qtil tagħha kien marbut max-xogħol tagħha. Marinova dan l-aħħar kienet qed tinvestiga korruzzjoni fil-Bnulgarija marbut mal-fondi li tagħti l-Unjoni Ewropea.

Mill-ewwel indikazzjonijiet l-katavru ta’ Marinova wera sinjali ta’ stupru u swat brutali u li nqatlet fgata.

Il-Bulgarija titqies bħala l-agħar pajjiżi fost dawk tal-Unjoni Ewropea f’dik li hui liberta tal-istampa.

Diversi għaqdiet ġurnalistiċi, kemm Bulgari kif ukoll barranin, talbu għal investigazzjoni bir-reqqa fil-qtil ta’ Marinova u biex ir-responsabbli jitressqu l-qorti.

Il-qtil ta’ Maribnova kien ukoll kritikat bl-aħrax mill-Gvern Ġermaniż b’kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż jgħid li kien ta’ importanza kbira li l-investigazzjoni ma titlifx ħin u li juitwaddab kemm jista’ jkun dawl fuq il-qtil.

Sven Gielgold, membru Ġermaniż tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew, qal li l-Ewropa kollha trid tkun imħassba minn dan il-qtil. Hu qal li l-ewwel kien hemm il-qtil f’Malta ta’ Daphne Caruana Galizia imbagħad fis-Slovakkia ta’ Jan Kuciak u issa Marinova fil-Bulgarija. Hu qal li kienet xi ħaġa inaċċettabbli li l-ġurnalisti fl-Ewropa kienu qed jinqatlu b’dan il-mod. Hu appella wkoll lill-Parlament Ewropew biex kemm jista’ jkun malajr tibgħat delegazzjoni lejn il-Bulgarija beix tgħin fl-investigazzjoni fil-qtil ta’ Marinova.

Mladen Marinov, il-Ministru tal-Intern Bulgaru, qal li s’issa ma kien hemm xejn li jindika li Marinova nqatlet minħabba x-xogħol tagħha u l-kaċ kien wieħed ta’ stupru u qtil.

Imma l-Pulizija Bulgar qalet li ma kienet qed teskludi xejn u kienu qed jinvestigaw x’rabtiet seta’ kien hemm kemm mal-ħahjja professjonali kif ukoll personali.

Marinova kienet tmexxi l-sitess stazzjon li fih kienet tippreżenta żewġ programmi investigativi.