Żewġ ekonomisti Amerikani – il-Professur William Nordhaus u l-Professur Paul Romer – rebħu l-Premju Nobel għall-Ekonomija għal riċerka dwar kif il-bidla fil-klima u t-teknoloġija qed jaffettwaw lill-ekonomija. Ir-Royal Swedish Academy of Sciences qal li f’dan il-każ, l-ekonomisti indirizzaw ‘uħud mill-aktar aspetti u kwistjonijiet persistenti’ dwar kif wieħed jaċċerta mill-iżvilupp sostenibbli f’dawn iż-żmenijiet.
Nordhaus u Romer, intant, se jirċievu disa’ miljun krona Żvediżi – jew l-ekwivalenti ta’ aktar minn 850,000 ewro.
L-Akkademja Żvediża spjegat li l-Professur Nordhaus, li hu involut mal-Unversità ta’ Yale, kien l-ewwel li ħoloq mudell li tiddeskrivi l-interazzjoni bejn l-ekonomija u l-klima. Min-naħa tiegħu, il-Professur Romer, tas-Stern School of Business mal-Università ta’ New York, wera, permezz tax-xogħol tiegħu, dwar kif l-elementi tal-ekonomija ‘jixprunaw lill-kumpanniji biex jipproduċu ideat u innovazzjonijiet ġodda’.
L-istqarrija tal-Akkademja qalet li l-iskoperti ta’ Nordhaus u Romer żiedu l-kapaċità għall-analiżi tal-ekonomija b’mod sinifikattiv. ‘Dan grazzi għall-iżvilupp ta’ mudelli li jispjegaw l-interazzjoni bejn l-ekonomija tas-suq, in-natura u l-kapaċità għall-għarfien’.
Il-Premju Nobel għall-Ekonomija – teknikament magħruf bħala l-Premju Sveriges Riksbank—twaqqaf mill-bank ċentrali tal-Iżvezja ‘għall-memorja ta’ Alfred Nobel’ u ngħata għall-ewwel darba fl-1969.
//= $special ?>

