Il-217-il immigrant li daħlu f’pajjiżna f’temp ta’ 24 siegħa jkomplu jżidu għal 969 l-ammont ta’ immigranti irregolari li daħlu f’Malta permezz tal-baħar minn Ġunju ‘l hawn.
Biss biss f’Ġunju ta’ din is-sena pajjiżna laqa’ 234 immigrant wara l-bastiment MV Lifeline daħal fil-Port il-Kbir fis-27 tal-istess xahar.
F’Lulju Malta rċeviet 9 immigranti, hekk kif il-pulizija kienet arrestat disa’ persuni wara li kienu daħlu f’pajjiżna mingħajr permess permezz ta’ speedboat bl-awtoritajiet jindunaw bihom malli waslu max-xatt ta’ Marsaskala.
Fl-aħħar 4 xhur jidħlu madwar 1000 immigrant irregolari f’pajjiżna.
F’Awwissu pajjiżna ra l-akbar numru ta’ immigranti illegali li ġew f’Malta fejn l-ammont jitla’ għal 451. Fit-13 ta’ Awwissu f’Xatt it-Tiben fil-Floriana ddaħħlu 114-il immigrant, f’Jum Santa Marija ddaħħlu 141 fuq l-MV Aquarius f’Boilers Wharf tal-Isla, intant fl-istess jum f’Xatt it-Tiben mill-ġdid daħlu 35 immigrant ieħor. B’dan jammonta kważi 200 immigrant f’jum wieħed biss.
Tlett ijiem wara, fit-18 ta’ Awwissu ddaħħlu f’pajjiżna 61 immigrant irregolari u fit-22 t’Awwissu ġew Malta 100 immigrant ieħor.
F’Settembru Malta laqgħet 58 immigrant u kelb nhar it-30 tax-xahar. Fost l-immigranti li ddaħħlu kien hemm Libjani, Sirjani, Palestinjani, Somali u Pakestinjani.
U f’Ottubru sa issa f’24 siegħa Malta rat id-dħul ta’ kważi 200 immigrant irregolari, bil-Ħadd filgħodu jidħlu 120 immigrant u tul il-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn 97 oħra.
Għalkemm dħalna f’Ottubru u t-temp qed jinbidel u ma jibqax bħal dak tas-sajf, jidher li dan xorta waħda mhux jaqta’ qalb iċ-ċrieki kriminali li jikkordinaw dawn il-vjaġġi klandestini, vjaġġi li s’issa minn Ġunju ‘l hawn waslu kważi elf immigrant f’pajjiżna.
//= $special ?>