Fit-tielet tentattiv tiegħu, Mo Farah rebaħ il-maratona ta’ Chicago għall-ewwel darba. Il-Britanniku ta’ 35 sena rebaħ it-tellieqa f’ħin rekord ta’ sagħtejn, ħames minuti u 11-il sekonda biex assigura rekord Ewropew. Farah qata’ lil Mosinet Geremew tal-Etjopja fl-aħħar nofs mil f’kundizzjonijiet diffiċli f’Illinois. Hu sar l-ewwel Britanniku li jirbaħ il-maratona ta’ Chicago minn Paul Evans fl-1996.
Farah li hu sitt darbiet champion tad-dinja u champion Olimpiku doppju fit-tlielaq tal-5,000 u l-10,000 metru, irtira mit-track f’Awwissu tas-sena l-oħra biex jiffoka fuq it-tlielaq tat-triq. F’April f’Londra, hu waqqaf l-arloġġ f’sagħtejn, sitt minuti u 21 sekonda biex kiser ir-rekord Britanniku ta’ 33 sena li kien għand Steve Jones, filwaqt li xahar ilu rebaħ il-Great North Run għal rekord ħames darba konsekuttiva.
Galen Rupp li kien qed jiddefendi l-maratona li rebaħ is-sena l-oħra, spiċċa l-ħames f’Chicago. “Il-kundizzjonijiet ma kinux brillanti u kulħadd kien qed jaħseb fuq il-kundizzjonijiet aktar milli l-ħin, iżda lejn it-tmiem tjiebna. Ħassejtni tajjeb lejn tmiem it-tiġrija,” qal Farah.
//= $special ?>