It-Tnejn filgħodu l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca spezzjonat il-gwardja tal-unur fil-jum dedikat lill-Forzi Armati ta’ Malta.
F’pajjiżna, il-Forzi Armati huma maqsuma f’diversi sezzjonijiet u unit – il-Kwartieri Generali tal-Forzi, tliet units fuq l-art, dak tal-ajru u skwadra marittima. Dan aparti l-forzi ta’ riserva u riserva oħra ffurmata mill-voluntiera tal-emerġenza.
Dan, flimkien ma’ taħriġ regolari, jassigura li pajjiżna jkun preparat għal kull eventwalità.
Il-Forzi Armati ta’ Malta ġew rikonoxxuti mill-Parlament permezz ta’ Att approvat fl-1970 li jagħti l-poter lill-Kap tal-Istat li jwaqqaf, imantni u jiirregola l-forzi armati ta’ Malta. Kien tliet snin wara li twaqqfu uffiċjalment il-Forzi Armati ta’ Malta.
Permezz ta’ dan l-att, il-President ta’ Malta għandha wkoll il-poter li tiddelega l-kmand u awtorità f’idejn Gvern elett demokratikament taħt il-Portafoll tal-Ministru għall-Affarijiet tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.