Lokali

“Tibżgħu minn min jikser il-liġi” – Birdlife Malta

Fid-dawl taż-żieda fil-każi ta’ kaċċa illegali tul dan l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa, BirdLife Malta organizzat attività quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta. Membri u attivisti ta’ BirdLife Malta ltaqgħu mal-MPs huma u d-deħlin fil-bini tal-Parlament għas-seduta tal-ġurnata. Fost dawn huma ltaqgħu mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Kull Membru Parlamentari ngħata dokument li jinkludi lista tal-għasafar protetti li jafu li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali s’issa dan l-istaġun u anke statistika xokkanti li tqabbel iċ-ċifri ta’ din is-sena mal-vittmi tal-kaċċa illegali li nġabru tul l-aħħar ħames snin.

Membri tal-pubbliku li kienu deħlin minn Bieb il-Belt setgħu jaraw ritratti impressjonanti tat-tajr protett maqtul s’issa dan l-istaġun, li jixhdu l-impatt devastanti tal-kaċċa illegali.

Birdlife Malta għamlet appell lill-Gvern u lill-Membri Parlamentari biex jieqfu jibżgħu mil-lobby tal-kaċċaturi u jieħdu bis-serjetà l-ħsara li qed tagħmel il-kaċċa f’pajjiżna. Dan hekk kif kollox jindika li din is-sena se tkun l-agħar sena f’dawn l-aħħar sitt snin f’dak li għandu x’jaqsam mal-kaċċa illegali f’Malta. Filfatt sissa din is-sena diġà kien hemm 78 għasfur protett maqtul jew milqut b’tiri ta’ senter.

Il-kelliema ta’ Birdlife Malta sostnew li din is-sitwazzjoni hija konsegwenza ta’ ħafna fatturi fosthom in-nuqqas ta’ dixxiplina mill-kaċċaturi, il-fatt li baqgħet ma twaqqfitx taqsima fi ħdan il-Korp tal-Pulizija li tiffoka biss fuq il-kriminalità ambjentali u t-tibdil fil-liġijiet li jdgħajjef il-ħarsien tan-natura f’pajjiżna b’mod speċjali l-għasafar. Il-Gvern mhux qed irażżan u jwaqqaf dawn l-inċidenti u qed jibqa’ sieket.

Birdlife Malta tinsisti li l-Parlament Malti u d-Deputati tiegħu għandhom iżommu f’moħħhom li f’pajjiżna hawn numru sostanzjali ta’ ċittadini li jridu l-protezzjoni tal-għasafar. Il-Membri Parlamentari qegħdin jinjoraw lil dawn iċ-ċittadini u l-fatt li l-lobby tal-kaċċaturi huwa biss parti żgħira mis-soċjetà.

Huma sostnew li l-Gvern għandu jikkommettu ruħu li jwaqqaf Wild Crime Unit, jindirizza l-liġijiet ambjentali u jindirizza l-problema tal-ibbalzmar. Fuq kollox wasal iż-żmien li jkollna Gvern li ma jibżax minn min jikser il-liġi u li juri verament li mhux se jittollera aktar il-kaċċa illegali.