Valentino Rossi wissa lit-tim tiegħu Yamaha biex ma jaħsbux li ma solvewx il-problemi tagħhom wara l-aktar prestazzjoni kompetittiva fit-Tajlandja f’diversi tiġrijiet. Wara li f’Aragon, Rossi spiċċa fit-tmien post u sieħbu Maverick Vinales daħal fl-għaxar post, iż-żewġ sewwieqa ta’ Yamaha ħadu pjaċir isuqu fiċ-ċirkwit il-ġdid tat-Tajlandja.
Rossi beda t-tiġrija fit-tieni post u spiċċa r-raba’, post wara Vinales, u b’hekk assigura li Yamaha jispiċċaw mal-ewwel tlieta għall-ewwel darba miċ-ċirkwit ta’ Sachsenring qabel il-brejk tas-sajf f’Lulju.
Iżda Rossi qal li Yamaha ma għandhomx ikunu sodisfatti b’tiġrija waħda tajba u jridu jikkunsidraw il-kuntest tat-tieni parti diżappuntanti li kellhom fl-istaġun. “Sfortunatament hu riskju li Yamaha jaħsbu li solvew il-problemi imma hi mentalità telliefa. Ħafna drabi l-enġiniera tagħna huma kuntenti jekk Maverick jagħmel ħin tajjeb fit-testijiet. Kieku jien kont enġinier ta’ Yamaha, nanalizza r-riżultati tat-tieni parti tal-istaġun u ma nkunx kuntent bl-aktar dawra veloċi jew post fl-ewwel filliera,” qal Rossi.
Il-veteran Taljan ammetta li l-forma b’saħħitha ta’ Yamaha kienet mhux mistennija, u żied li ħass li l-grip mal-wiċċ taċ-ċirkwit seta’ għen biex it-tim ikollu prestazzjoni tajba.
“Fuq il-karta, mhux ċirkwit ta’ Yamaha. Kont qed nistenna li nsofri ħafna aktar u eżempju nkun b’saħħti f’Misano, imma f’Misano sibniha diffiċli. Jekk trid tkun kompetittiv trid tkun b’saħħtek kullimkien għaliex Ducati u Honda huma b’saħħithom kullimkien. Għalija għandna xi ħaġa nieqsa imma probabbli din il-ġimgħa tjiebna, issa naraw f’Motegi.”
Rossi għamel perjodu qasir fuq quddiem fit-tiġrija tat-Tajlandja, meta qabeż lil Marquez fil-ħames dawra, iżda niżel fit-tielet post sitt dawriet u baqa’ hemm sakemm inqabeż minn Vinales fl-aħħar stadju tat-tiġrija.
//= $special ?>