Sport

Adrian Delia jiltaqa’ mal-uffiċċjali mill-klabb tar-regatta ta’ Bormla

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia feraħ lill-qaddiefa tal-klabb tar-regatta ta’ Bormla fl-okkażjoni tar-rebħ tax-shield ta’ Jum il-Vitorja, li hija d-19-il darba fl-istorja tal-klabb. Dan meta huwa ltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-klabb fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia tkellem mal-qaddiefa dwar ir-rebħ tal-11-il palju, hekk kif Bormla rebħu l-10 tiġrijiet tradizzjonali u rebħu wkoll it-tiġrija speċjali tan-nisa fuq il-frejgatini. Dan meta daħlu fl-ewwel post ma’ Kalkara. Adrian Delia tkellem ukoll mal-amministrazzjoni tal-klabb tar-regatta ta’ Bormla u l-impenn tagħhom matul is-snin sabiex il-klabb reġa’ sar wieħed kompetittiv. Dan meta fl-aħħar ħames snin Bormla dejjem kienu protagonisti fir-regatta ta’ Jum il-Vitorja ta’ Settembru u r-regatta tal-31 ta’ Marzu.

Ġie diskuss kif ir-regatta tista’ tkompli tikber fil-popolarità bl-organizzazzjoni tat-tiġrijiet ta’ Taħt it-18-il sena. Ġie diskuss ukoll l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kampjonat nazzjonali tal-indoor rowing u l-involviment ta’ aktar dilettanti tal-qdif sabiex dan l-isport jibqa’ jikber fil-popolarità.

Matul din il-laqgħa mal-klabb tar-regatta ta’ Bormla, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus.