Futbol Sport

Arturo Vidal frustrat bin-nuqqas ta’ logħob ma’ Barcelona

(Ritratt: EPA)

Il-midfielder ta’ Barcelona Arturo Vidal qal li mhux kuntent minħabba n-nuqqas ta’ logħob mal-klabb il-ġdid tiegħu. Vidal ingħaqad ma’ Barcelona dan is-sajf mingħand Bayern Munich, iżda beda biss darbtejn mat-tim Katalan u kien sostitut diversi drabi.

“Kif nista’ nkun kuntent jekk ma nilgħabx, u jien min-nies kollha? Jien xi ħadd li dejjem iġġelidt, kont fl-aqwa timijiet fid-dinja, erbaħt kollox u rrid inkompli nirbaħ f’Barcelona,” qal Vidal lill-ġurnalisti.

Fl-aħħar logħbiet, il-kowċ Ernesto Valverde għażel li jibda lill-midfielder Brażiljan Arthur, b’Vidal ma jkunx inkluż fid-draw ta’ 1-1 Barcelona kontra Valencia, u lagħab biss tliet minuti kontra Tottenham fiċ-Champions League.

“Jien fiżikament tajjeb u kuntent. Fl-aħħar ftit logħbiet kont imdejjaq imma hi kif inhi u se nibqgħu nissieltu. Hemm ħafna logħbiet importanti ġejjin u rridu naraw,” qal Vidal.