L-eks kowċ nazzjonali Taljan Gian Piero Ventura mistenni jirritorna fit-tmexxija ta’ klabb hekk kif laħaq ftehim ma’ Chievo Verona biex isir il-kowċ il-ġdid tal-klabb. L-aħbar għadha trid issir uffiċjali iżda rapporti fil-media Taljana qed jindikaw li Ventura aċċetta l-proposta tal-klabb minn Verona li jiffirma kuntratt ta’ sentejn.
Ventura talab garanziji li t-tim jissaħħaħ f’Jannar hekk kif jemmen li Chievo jistgħu jsalvaw posthom fis-Serie A. Ventura u Chievo se jerġgħu jiltaqgħu llum biex jagħlqu kollox b’mod formali biex jibda jmexxi lit-tim minn għada. B’hekk hu se jkun qed jimla l-vojt li ħalla Lorenzo D’Anna wara li tneħħa mill-kariga.
L-aħħar logħba ta’ D’Anna fit-tmexxija ta’ Chievo kienet it-telfa ta’ 3-1 kontra Milan. Hu ħalla lit-tim fil-qiegħ tal-klassifika b’punt taħt iż-żero wara li klabb tnaqqsulu tliet punti. Huma għadhom ma kisbux rebħa, b’żewġ draws u sitt telfiet.
D’Anna kien daħal fit-tmexxija ta’ Chievo fl-aħħar tliet logħbiet tal-istaġun li għadda fejn kien għen lit-tim isalvaw postu fis-Serie A bi tliet rebħiet minn tliet logħbiet kontra Crotone, Bologna u Benevento.
Juric flok Ballardini ma’ Genoa
Ilbieraħ, Genoa wkoll ħabbru bidla fit-tmexxija teknika hekk kif il-President Enrico Preziosi ddeċieda li jneħħi lil Davide Ballardini u jerġa’ jaħtar lil Ivan Juric bħala kowċ. Ir-rapporti bejn Ballardini u Preziosi ilhom li bdew jonqsu u t-telfa f’darhom kontra Parma kompliet tnaqqas il-fiduċja ta’ Preziosi.
L-għażla li Preziosi jagħżel lil Juric waslet minħabba li l-kowċ Kroat jinsab diġà taħt kuntratt ma’ Genoa. B’hekk Juric se jkollu l-opportunità li jħassar ir-riżultati negattivi tal-esperjenza preċedenti.
//= $special ?>